L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ippreżentat studju li juri li l-parti l-kbira tal-edukaturi tas-snin bikrin f’Malta jemmnu li l-bilingwiżmu għandu jkun promoss mill-ewwel snin tat-tfulija.
L-istudju jagħti stampa ta’ kif l-edukaturi qegħdin jippromwovu l-Malti u/jew l-Ingliż fil-klassi tagħhom. Għalkemm l-edukaturi jemmnu fl-importanza tal-bilingwiżmu, huma għandhom opinjonijiet differenti kif il-bilingwiżmu għandu jitqiegħed fil-prattika. Mill-istudju etnografiku joħroġ li l-użu tal-Malti u l-Ingliż ivarja ħafna minn skola għal oħra. Ħafna drabi jiddependi l-iskola f’liema settur qiegħda u d-demografija tal-klassi.
Fir-riċerka nstab li hemm modi differenti kif l-edukaturi, minn rajhom, jiddeċiedu xi strateġiji bilingwi jużaw. Jidher li l-edukaturi jħaddmu l-istrateġiji skont il-bżonnijiet individwali tal-istudenti, l-aspettattivi tal-ġenituri u l-istruzzjonijiet li jingħatawlhom mit-tmexxija tal-iskola.
Xi edukaturi jinqdew bi strateġiji li jisseparaw fl-użu lingwa minn oħra, filwaqt li oħrajn iħaddmu strateġiji ta’ użu ta’ lingwa b’mod flessibbli. Fl-istudju ħareġ ċar li l-maġġoranza tal-edukaturi jemmnu li l-użu flessibbli tal-lingwi fil-klassi jgħinhom ħafna fit-tagħlim biex jindirizzaw il-bżonnijiet individwali tal-istudenti kollha.
Dan l-istudju sar b’taħlita ta’ metodi, jiġifieri kemm b’mod kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv. Tqassam kwestjonarju lil 450 edukatur/edukatriċi tas-snin bikrin (tal-klassijiet tal-Kindergarten 1 u Kindergarten 2) u sar studju etnografiku bbażat fuq osservazzjonijiet fi klassijiet u intervisti lil edukaturi ta’ ħames skejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo feraħ lil Aġenzija Nazzjonali tal-litteriżmu għax-xogħol u riċerka li għamlu f’dan il-qasam hekk importanti fejn taw stampa dettaljata tas-sitwazzjoni preżenti fil-klassijiet fil-livell ta’ kindergarten.
Il-Ministru Bartolo enfasizza fuq l-importanza tal-bilingwiżmu u l-bżonn biex inkomplu intejbu l-livell tal-Malti u l-Ingliż u jingħata t-taħriġ neċessarju u żvilupp professjonali fl-iskejjel. Il-ligwa Maltija hija importanti għalina għaliex tagħtina identità u tgħina nifmhu aħna min aħna iżda l-Ingliż huwa kruċjali speċjalment għas-setturi tat-teknoloġija u dak diġitali. Il-Ministru kkonkluda billi saħaq fuq l-importanza li nitgħallmu t-tielet lingwa sabiex intejbu l-abbiltajiet tagħna.
Iċ-Chairperson tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Professur Charles Mifsud, saħaq li huwa ċar li kemm il-Malti u kemm l-Ingliż huma importanti għalina f’Malta u lil hinn. Għalhekk jeħtiġilna nagħrfu kif insostnu ż-żewġ lingwi u noffru l-appoġġ meħtieġ kull fejn hemm bżonn.
Huwa elenka mill-istudju li l-edukaturi Maltin huma konxji tal-importanza tal-bilingwiżmu fis-soċjetà Maltija. L-istudju juri fid-dieher li l-attivitajiet strutturati li jagħmlu xi edukaturi, fost oħrajn, dwar l-alfabett u n-numeriżmu, ftit iħallu ħin fil-ġurnata tal-iskola għal attivitajiet komunikattivi u logħob. L-attivitajiet strutturati msemmija ftit jagħtu lok għal opportunitajiet awtentiċi ta’ komunikazzjoni, liema komunikazzjoni hija tant meħtieġa biex it-tfal jiżviluppaw il-kompetenzi fiż-żewġ lingwi.
Dr Lara Ann Vella tenniet li dan l-istudju jirrakkomanda li l-edukaturi tas-snin bikrin jirriflettu b’mod kritiku fuq l-użu tal-lingwa tagħhom fil-klassi. It-tfal għandhom jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw l-lingwi f’kull attività li ssir fil-klassi.
Vella qalet li l-istudju jixhed ukoll kemm hi kumplessa r-realtà multilingwali li qegħdin iseffqu wiċċhom magħha l-edukaturi fil-prattika tagħhom. Ta’ tħassib partikolari huwa l-fatt li xi edukaturi jassumu li t-tfal migranti huma kollha pezza waħda u huma lkoll kompetenti fl-Ingliż, u fil-fatt jirreferu għalihom bħala t-tfal li jitkellmu bl-Ingliż, mingħajr ma jirreferu għall-ewwel lingwa/i tagħhom.
L-istudju jikkonkludi li l-bilingwiżmu fil-kuntesti tal-edukazzjoni tas-snin bikrin f’Malta għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-attitudnijiet u l-ideoloġiji lejn il-lingwi li s-soltu nassoċjaw mal-użu tal-lingwi. L-edukaturi qalu li t-tfal isiru konxji ta’ dawn l-attitudnijiet kmieni u jibdew ipoġġuhom fil-prattika minn età bikrija. Dan jikkonferma kemm huwa ċentrali r-rwol tal-ġenituri fl-iżvilupp fit-tfal ta’ attitudni pożittiva lejn il-Malti, l-Ingliż u lingwi oħrajn billi l-ġenituri huma l-ewwel għalliema tal-lingwa/i.
Mill-istudju joħroġ li qalb l-edukaturi hemm għarfien tal-importanza tal-bilingwiżmu fis-snin bikrin. Madanakollu l-istudju jirrakkomanda li l-entitajiet kollha għandhom jgħarblu l-fehmiet u l-prattiki tagħhom sabiex jiżguraw li t-tfal kollha jingħataw l-opportunità jiżviluppaw il-kompetenzi bilingwi tagħhom, temmet tgħid Dr Vella.