ARA: Jitnieda l-proġett 'procrew' għall-karriera fil-qasam marittimu | One News

Notifiki

ARA: Jitnieda l-proġett ‘procrew’ għall-karriera fil-qasam marittimu

Illum, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima nedew il-proġett ProCrew li twaqqaf permezz ta’ sħubija bejn l-MCAST, City of Glasgow College u l-Malta Maritime Forum, b’finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u Sajd.

Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-importanza tas-settur marittimu għal pajjiżna, hekk kif illum ir-reġistru Malti jinsab l-ewwel fl-Ewropa u s-sitt wieħed fid-dinja, l-għira ta’ Stati Membri oħra.

Borg qal li Malta rreġistrat riżultati pożittivi ħafna anke f’dak li huwa reġistrazzjoni ta’ jottijiet lussużi akbar minn 24 metru, fejn sal-aħħar ta’ Marzu kien hemm aktar minn 750 jott irreġistrat taħt il-bandiera Maltija, żieda rekord ta’ 90% fuq ħames snin ilu.

“Qed nitkellmu fuq settur li huwa pilastru tal-ekonomija, li jiġġenera ammont sostanzjali f’investiment anċillari filwaqt li jiġġenera wkoll introjtu sostanzjali f’munita barranija, settur li qiegħed jiġġenera wkoll diversi impjiegi għal mijiet ta’ persuni f’diversi rwoli. U anke għal din l-industrija wieħed qatt ma jista’ jisħaq biżżejjed dwar l-importanza tar-riżors uman għal pajjiżna li għandu ekonomija ta’ gżira dipendenti fuq il-konnettività, it-turiżmu u s-servizzi.

Għalhekk illum huwa pass ieħor importanti biex inkomplu naħdmu favur tkabbir fis-settur marittimu,” tenna l-Ministru Ian Borg filwaqt li irringrazzja lill-entitajiet u l-awtoritajiet kollha ta’ din l-inizjattiva, fosthom l-MCAST, Transport Malta u d-Direttorat Marittimu.

Huwa faħħar il-proġett ProCrew li huwa maħsub biex jagħti l-ħiliet neċessarji marbuta ma xogħlijiet li jvarjaw minn deck operations sa inġinerija sa servizzi ta’ ospitalità fuq superyachts, hekk kif dan il-programm mistenni joħloq opportunità biex dak li jkun jikseb il-kwalifiki meħtieġa biex jaħdem fuq superyacht.

Il-Ministru faħħar il-flessibilità tal-programm, li mhux talli joffri esperjenza prattika fuq il-baħar iżda jdaħħal ukoll il-kunċett ta’ blended learning biex wieħed ikompli jtejjeb il-ħiliet filwaqt li jimxi ‘l quddiem bil-karriera tiegħu.

“Din hija mentalità li timxi id f’id mal-mod ta’ kif timxi Transport Malta fl-aspett edukattiv u professjonali. Il-Gvern jappoġġja bis-sħiħ kull inizjattiva li toħloq opportunitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni sabiex ir-riżorsi umani tal-pajjiż dejjem ikomplu jrawmu, itejbu u jirfinaw il-ħiliet tagħhom, u jkomplu jimxu ‘l quddiem fil-karriera,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dawn il-korsijiet ġodda huma ta’ eżempju prattiku kif l-industrija u istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jaħdmu flimkien sabiex jikkumplimentaw lil xulxin u jilħqu żvilupp sħiħ tal-persuna.

“Malta għandha tradizzjoni b’saħħitha fil-qasam marittimu. Din hija industrjia importanti għall-ekonomija tagħna fejn il-Gvern mhux biss qed jiġġenera ħafna kummerċ imma qed joħloq impiegi ta’ kwalità. L-għan tagħna huwa li, filwaqt li nsaħħu s-sistema akkademika eżistenti, inkomplu nwessgħu aktar ir-rotot li nistgħu noffru lill-istudenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom li jiswilhom ta’ ġid fil-futur qarib.

Korsijiet bħal dawn se jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni li toffri l-aqwa faċilitajiet għall-baħħara, inkluż ir-riżorsi umani,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend