ARA: Il-validità tal-kartuna s-safra se tiżdied minn ħames snin għal 10 snin | One News

Notifiki

ARA: Il-validità tal-kartuna s-safra se tiżdied minn ħames snin għal 10 snin

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħabbar li l-validità tal-kartuna s-safra li permezz tagħha eluf ta’ pazjenti jieħdu l-mediċini bla ħlas, se tirdoppja minn ħames snin għal għaxar snin.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla tiegħek, il-Ministru Fearne qal li din l-inizjattiva se tnaqqas mat-tlett elef proċedura fix-xahar u se tfisser inqas skariġġ għall-pazjenti u aktar effiċjenza fil-qadi tas-servizz.

Waqt l-istess żjara tħabbret ukoll inizjattiva oħra għall-POYC hekk kif se tiddaħħal sistema diġitali ġdida li fiha se jkun hemm reġistru ċentralizzat, aktar preċiż u effiċjenti u ferm aċċessibbli għat-tobba wkoll.

Dan bil-ħsieb li la t-tobba u l-anqas il-pazjenti ma jkollhom l-iskariġġ ta’ ħafna karti iżda minflok kollox ikun aċċessibbli onlajn – anke f’każ ta’ tibdil fid-doża u/jew il-frekwenza tal-mediċini.

Il-ministru Fearne qal ukoll li bħalissa huma mal-143,000 pazjent li jieħdu mediċini kroniċi bla ħlas. Dan filwaqt li jitqassmu mal-250 miljun prodott kull sena b’baġit ta’ €28 miljun.


Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend