ARA: Għaxar snin biex Notre Dame jerġa’ jinbena mill-ġdid – One News

Notifiki

ARA: Għaxar snin biex Notre Dame jerġa’ jinbena mill-ġdid

Wara disa’ sigħat ta’ ġlieda kontinwa, il-pumpiera Franċiżi temmew l-operazzjoni tat-tifi tan-nar li ħakem il-katidral Notre Dame. Hu mifhum li n-nirien ħadu fil-ħin tal-għeluq tal-Katidral, waqt li l-aħħar ftit turisti kienu qed joħorġu minnu. Għalkemm il-kawża tan-nirien għadha mhux magħrufa, l-awtoritajiet Franċiżi qed jeskludu li dan seta’ kien xi attentat terroristiku fuq is-sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Fi stqarrija il-Prosekutur ta’ Pariġi qal li issa mal-ħamsin espert mistennija janalizzaw il-ħsarat hekk kif iż-żona għadha instabbli u mhux sigura.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron ħalef li hekk kif il-Katidral majestuż inbena b’suċċess aktar minn tmien mitt sena ilu, il-Gvern Franċiż se jerġa’ jibnih mill-ġdid.

L-istruttura ewlenija tal-Katidral, inkluż iż-żewġ torrijiet tal-qniepen, salvaw, iżda l-istruttura fil-quċċata tal-binja, kif ukoll il-bejt, li kien kollu magħmul mill-injam, inqerdu għal kollox. Huwa stmat li l-ħsara se tiswa’ l-miljuni ta’ ewro lill-Gvern Franċiż.

Il-President Macron appella lill-komunità dinjija biex toffri għajnuna lil Franza għall-bini mill-ġdid ta’ dan l-ikona.

Miljuni ta’ ewro diġà kienu offruti lill-Gvern, fosthom donazzjoni ta’ mitejn miljun ewro minn negozjant Franċiż.

Il-katidral kien għaddej minn xogħol ta’ rinovar li kien sewa l-miljuni lill-pajjiż fil-jum li ħa n-nar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend