"B'ħeġġa u determinazzjoni li nwasslu l-messaġġ li jixraq" – Josef Caruana | One News

Notifiki

“B’ħeġġa u determinazzjoni li nwasslu l-messaġġ li jixraq” – Josef Caruana

Josef Caruana, huwa l-ewwel kandidat li tefa’ n-nomina għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista

“Bħall-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi li, b’rieda tajba, jixtiequ jikkonfermaw il-mixja pożittiva li qabad pajjiżna fl-aħħar snin għandna ħeġġa kbira u daqstant ieħor determinazzjoni kbira li nwasslu l-messaġġ Laburista li jixraq għall-25 ta’ Mejju li ġej.”

Dan iddikjarah il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Josef Caruana, waqt li dalgħodu l-Kummissjoni Elettorali bdiet tilqa’ l-ewwel nomini għall-appuntament elettorali tax-xahar id-dieħel, inkluż ta’ kandidati għall-kunsilli lokali fil-lokalitajiet kollha tal-pajjiż.

L-eks-Editur ta’ L-ORIZZONT insista li “waqt li bil-vot tiegħu l-poplu Malti mistenni wkoll iżomm lil xi wħud responsabbli għall-ħsara li għamlu u għadhom jixtiequ jagħmlu lill-ekonomija, mingħajr qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati, ir-riżultat elettorali li jmiss għandu jkompli jsostni l-ġid li qed jinħoloq bl-għaqal u l-bżulija ta’ Gvern Laburista bil-għan li jkompli jitferrex fost ġensna u b’hekk iżjed faxex vulnerabbli jduqu titjib fl-għixien tagħhom.”

Caruana, li dam seba’ snin Editur tal-ġurnal ta’ kuljum tal-General Workers’ Union (GWU), inkluż fl-aktar żminijiet deċiżivi u importanti għal pajjiżna tal-aħħar snin, jifforma parti minn lista ta’ 14-il kandidat li l-Partit Laburista qed iressaq għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Waqt li konna ħdejn iċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, inzertajna wkoll żewġ kandidati Laburisti għall-Kunsilli Lokali li kienu se jippreżentaw in-nomina tagħhom minn kmieni.

Beppe Farrugia, kandidat fis-Siġġiewi, u Jason Portelli għall-Birgu wkoll kellhom messaġġi pożittivi xi jwasslu b’riżq il-lokalità li se jikkontestaw fiha u li jittamaw li mix-xahar id-dieħel ikunu qed jirrappreżentaw.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend