B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, se jibdew żewġ proġetti għat-tindif tal-widien, immaniġġjar tal-ilma u żvilupp tal-pajsaġġ f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li b’dawn il-fondi Ewropej ġodda se tingħata spinta lill-pajsaġġ rurali Għawdxi.
Spjegat kif se jiġu użati dawn il-fondi, fejn se jsir tindif tal-widien mill-frak, restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ u sistemi ta’ lqugħ tal-ilma.
“Mhux biss intejbu l-ambjenti Għawdxin imma ukoll biex ikollna żvilupp iktar sostenibbli biex ninċentivaw l-ekonomija l-hadra pero ukoll imbaghad biex ikollna proġetti illi permezz tagħhom nimmaneġjaw l-ilma, allura ħażna tal-ilma, u ukoll anke ż-żamma tal-ħamrija li minħabba l-elementi matul iż-żminijiet tkun qed tintilef.”
Il-Ministru Caruana assigurat li x-xogħol se jsir skont il-prattiċi maqbula mal-awtoritajiet konċernati, u żiedet tgħid li l-proġett se jsebbaħ id-dehra ġenerali tal-kampanja Għawdxija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li l-industriji tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali huma żewġ pilastri importanti għal Għawdex.
Kien għalhekk li qed jiġi investiet ammont kbir ta’ fondi Ewropej f’Għawdex, li hu wieħed bla preċedent.
“L-ewwel ħitan tas-sejjieħ madwar il-gżira Għawdxija, propjament 30 kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ biex inżommu l-ħamrija milli tintilef imbagħad ukoll 12-il wied li ħa jitnaddfu fi żmien illi ġej u b’hekk allura l-bdiewa u r-raħħala ikunu jistgħu jżommu l-ilma tax-xita u jużawh għall-irrigazzjoni u għal bżonnijiet ohra.”
Il-widien li se jkun qed isir ix-xogħol fuqhom huma Wied tax-Xlendi, Wied Imġarr ix-Xini, Wied tal-Grazzja, Wied Riħan, Wied ta’ Grajgel, Wied il-Wileġ, Wied Imġarr, Wied ta’ Xħajma, Wied ta’ Marsalfron, Wied tal-Ort, Wied l-Infern u Wied il-Kbir.
Farrugia qal li bħalissa għaddejjin in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea dwar f’liema oqsma se jkunu investieti l-fondi Ewropej, għall-perjodu li jmiss.
Għaldaqstant, qal li se jiltaqgħu mal-bdiewa u s-sajjieda biex ikunu diskussa l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.