Fl-aħħar sigħat, f’operazzjoni li ħadet xejn inqas minn dsatax-il siegħa, l-uffiċjali tad-Dwana għamlu qabda kbira oħra ta’ droga kokaina ta’ aktar minn wieħed u disgħin kilogramma.
Id-droga nstabet f’sitta u sebgħin pakkett u l-valur tagħha fit-triq jammonta aktar minn għaxar miljun ewro.
ONE News huwa nfurmat li din id-droga nstabet fi tliet kontejners fil-Port Ħieles.
Tnejn mill-kontejners ġew Malta mill-Amerka t’Isfel u kienu sejrin l-Albanija, filwaqt li kontejner ieħor – li wkoll oriġina minn pajjiż fl-Amerka t’Isfel, kien fi triqtu lejn Thessaloniki fil-Greċja.
Din is-sena id-Dipartiment tad-Dwana sab aktar minn sitt mitt kilogramma kokaina b’valur ta’ aktar minn tmienja u sittin miljun ewro.