Destin kiefer għal Graziella Mallia ta’ 53 sena u bintha Fallon ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar li għall-ħabta tat-tmienja u nofs tal-Ħadd filgħaxija tilfu ħajjithom flimkien f’ħabta frontali li seħħet fi Triq l-Imġarr, l-Imġarr.
Fl-inċident indarbu wkoll seba’ persuni fosthom omm Graziella, anzjana ta’ 77 sena u t-tifel ta’ Fallon ta’ 12-il sena li kienu rekbin fuq wara flimkien ma’ żewġ passiġġieri oħra fl-istess karozza tal-għamla Maruti 800. Huma jinsabu fil-periklu tal-mewt u għadhom rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Il-familja Żabbarija kienet involuta f’ħabta ma’ karozza tal-għamla Audi A1 ta’ lewn aħmar u fiha kien hemm erba’ persuni fosthom tarbija ta’ sena u żewġt itfal, waħda ta’ 11-il sena li ġarrbet ġrieħi gravi u tifel ta’ 10 snin li ndarab ħafif. Is-sewwieq ta’ 31 sena mill-Mosta ndarab gravi wara li mad-daqqa spiċċa bil-karozza mdendla f’parti tat-triq li qed titwessa’.
F’tebqa t’għajn waslu fuq il-post numru ta’ ambulanzi mmexxija mit-tobba tal-emerġenza Michael Spiteri u Jonathan Joslin li sabu quddiem għajnejhom xena mill-aktar makabra biż-żewġ nisa mejtin fuq quddiem u b’għadd ta’ persuni oħra midruba u maqbuda fil-karozza. Hawnhekk bdiet ħidma kontra l-ħin mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu lill-vittmi mit-tifrik tal-karozzi.
Minħabba l-gravità tal-każ id-Dipartiment tal-Emerġenza ddikjara inċident maġġuri u talab lill-pubbliku biex imur l-isptar biss f’każ ta’ emerġenza.
Kienu għall-ħabta tas-siegħa tat-Tnejn filgħodu li l-vittmi ttieħdu minn fuq ix-xena tal-inċident permezz ta’ hearse.
ONE News jinsab informat li t-Tnejn filgħodu saru l-awtopsi fuq iż-żewġ katavri waqt li l-investigaturi komplew jitkellmu ma’ sewwieqa li inzertaw kienu għaddejjin mill-inħawi.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ ONE News l-Maruti kienet qed tinstaq mill-Imġarr fid-direzzjoni lejn ir-‘roundabout’ meta għal xi raġuni marret fuq in-naħa l-oħra tat-triq u baqgħet dieħel fl-Audi li kienet qed tinstaq lejn l-Imġarr.
Intant, il-mewt ta’ Graziella u bintha Fallon li skont bosta kienu qishom ħobża u sikkina, ħasdet lill-komunità Żabbarija b’mod partikolari lis-soċjetà Filarmonika Madonna tal-Grazzja li kienu mseħbin fiha.
Fuq il-midja soċjali spikkaw kummenti ta’ diversi persuni, fosthom dawk li jiftakru l-vittmi jżuru lir-residenti fid-Dar tal-Providenza.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Chairmane Galea li ħatret diversi esperti fosthom it-tabib forensiku Mario Scerri u l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg biex jgħinuha fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Clayton Camilleri mill-Għassa tal-Qawra u l-Ispettur Pierguido Saliba mit-taqsima tat-traffiku.