Ix-xhud ewlenija fit-tieni seduta tal-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-Pulizija kontra Joseph Bonnici ta’ 38 sena li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ ommu u oħtu, Maria Lourdes u Angele Bonnici, kienet iz-zija tal-imputat. Nazzarena Facciol, li tiġi oħt missier il-vittma, Paul li jinsab il-ħabs, qalet li meta ġew rappurtati nieqsa l-vittmi ħuha cempel lila biex jara x’ġara u eventwalment flimkien mal-imputat marret fid-dar tal-vittmi, fejn hemmhekk akkumpanjat lil Joseph fejn qala kantun mill-ħajt tad-dar u daħlu ġewwa.
Qalet li x’ħin kien qed issir dan l-imputat qalilha ‘Jien inħobba l-ommi…imma!’. Madankollu stqarret li hi ma saqsiet xejn lura, għax dejjem ħasbet li l-vittmi se jerġgħu jiġu lura.
Xehdet ukoll zija oħra tal-vittma Antonia Fardell li wkoll tiġi oħt missier l-imputat. Hi qalet li qatt ma basret li Joseph se jasal joqtol jew jagħmel xi ħaġa bħal din għaliex dejjem tafu bħala raġel sew.
Xhud importanti ieħor kienet zija oħra tal-imputat li wkoll tiġi z-zija ta’ waħda mill-vittmi. Fuq il-pedana tax-xhieda Vincenza Bonnici qalet li hi u omm l-imputat (Maria Lourdes) ma kellhomx relazzjoni tajba. Dan għal fatt li fil-bidu taż-żwieġ tal-vittma Maria Lourdes ma’ Paul, il-vittma waslet biex provat iġelled lix-xhud (Vincenza) mal-għarus tagħha u m’ommha.
Minkejja li ma kellhiex relazzjoni daqshekk mill-qrib mal-vittma l-oħra Angele, qalet li ġieli ltaqgħu u anke l-vittma ġieli fetħet qalba magħha dwar il-ħajja sesswali tagħha. Qalet li meta ltaqgħu hi u Angele fl-2014 qaltilha, li hi (Angele) u ħuha (Joseph) imorru tajjeb ħafna, u fl-ebda mod qatt ma semmiet li hu kellu x’jaqsam sesswalment magħha.
Kompliet tirrakonta li huma reġgħu ltaqgħu fis-sena 2017, u hawn qaltilha li hemm il-problemi bejnha (Angele) u ħuha (Joseph) għax ma qdigħiex fi pjaċir. Qalet li Angele qaltilha li ħuha (Joseph) abbuża minnha sesswalment. Madankollu dwar dan ma tat l-ebda dettalji iżjed. Vincenza qalet ukoll li hi ma emmnitx lil Angele, għax kienet taf liż-żewġ persuni.
Fis-seduta tal-lum xehdu wkoll għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu nvoluti f’dan il-każ. Il-Kumpilazzjoni tax-xhieda qed tinġabar quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud, John Spiteri u Roderick Attard. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli tinstema nhar it-Tlieta li ġej.