Il-Kandidata għall-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista Lorna Vassallo wissiet dwar il-perikli li ġġib magħha l-politika tal-lemin estrem.
Saħqet li filwaqt li kull ċittadin għandu jitħalla fil-libertà jivvota skont il-kuxjenza tiegħu, kull ċittadin għandu wkoll jerfa’ r-responsabbiltà mistennija minnu. Hawn fissret kif filwaqt li l-argumenti tal-lemin estrem jistgħu jdoqqu għal widnejn xi wħud, l-esperjenza uriet li fl-aħħar mill-aħħar dak li jseħħ fil-prattika meta jkunu fdati l-populisti u dawk li jxerrdu l-mibegħda jolqot ħażin lis-soċjetà kollha kemm hi.
Saħqet li l-eżempju ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa li spiċċaw fi kriżi huma xhieda ta’ dan. Irreferiet għall-isfidi l i hemm fis-soċjetà, mhux l-inqas tal-immigrazzjoni, u spjegat li dawn għandhom ikunu indirizzati b’mod sensibbli. Kif pajjiżna reġa’ wera li jista’ jsir fl-aħħar jiem.
Fuq kollox tenniet il-kandidat Laburista il-pajjiż għandu bżonn gvern li joħloq il-ġid.
B’hekk, qalet Vassallo, għall-elezzjonijiet li ġejjin dawk li jridu juru r-rikonoxximent tagħhom għat-tqassim ekwu tal-ġid jridu juru lealtà sħiħa u assoluta li twassal sabiex l-erbatax-il vot jingħataw kollha lil dan l-istess Partit. Il-Partit Laburista mhux rabja ta’ mument imma filosofija dejjiema li tibqa’ tgħodd sabiex toħloq il-ġid u tgħin liż-żgħir.