Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-votanti li minħabba safar jew għax ser ikunu rikoverati fi sptar, jixtiequ jivvotaw fit-18 ta’ Mejju, 2019, u li mhux se jkunu f’Malta sa nofsinhar tas-17 ta’ Mejju, 2019, biex jagħmlu l-applikazzjoni tagħhom bil-ġurament, illi jistgħu jattendu fl-eqreb Ambaxxata jew High Commission u jagħmlu l-ġurament għand Kummissarju għall-Ġuramenti hemmhekk.
Applikanti li huma votanti rreġistrati fuq Malta jivvotaw fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar waqt li dawk irreġistrati fuq Għawdex jivvotaw fl-Experimental Farm tal-Gvern fix-Xewkija, Għawdex. Il-ħinijiet tal-votazzjoni jkunu mis-7.00am sal-10.00pm u kull votant irid jippreżenta d-dokument/i tal-vot tiegħu.
Lista ta’ dawn il-Kummissarji għall-Ġuramenti tinsab murija fil-websajt tal-Kummissjoni Elettorali, https://electoral.gov.mt/OathsMT Fil-lista hemm ukoll l-indirizz elettroniku sabiex min hu interessat ikun jista’ jagħmel appuntament.
Id-dikjarazzjoni ġuramentata (skenjata) trid tasal għand il-Kummissjoni Elettorali fuq advancevoting.electoral@gov.mt sa mhux iżjed tard minn nofsinhar (ħin ta’ Malta) tal-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju, 2019. Il-Kummissjoni Elettorali toħroġ irċevuta għal kull ġurament li tirċievi li tintbagħat fuq indirizz tal-email li l-votant jista’ jikkwota fuq il-ġurament.