“Mod kif l-Unjoni Ewropea tista tiġi eqreb taċ-ċittadini tagħha u billi tkisser il-fruntiera diġitali li ħafna żgħażagħ għadhom jesperjenzaw. Nemmen li l-Kumissjoni Ewropea għandha matul il-ħames snin li ġejjien tipprovdi internet b’xejn għaż-żgħażagħminn fuq il-mobile tagħhom, kuljum, minfejn ikunu. Ħafna llum iqisu l-konnetività għal mal-internet bħala dritt fundamentali u l-Ewropa għandha tkun fost l-ewwel li tagħti dan id-dritt liċ-ċitaddini tagħha.”
Kienet din il-proposta ewlenija li l-Kandidat Labursita għall-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, propona liż-żgħażagħ ġejjien minn 20 organizazzjoni differenti u żgħażagħ oħrajn li attendaw għall-attività taħt it-tinda f’San Ġiljan, fejn wiegħdhom li se jkun qed imexxi din l-idea quddiem l-organi kompetenti, bit-tama li din il-proposta ssir realtà.
Fil-fatt, Cyrus propona li żgħażagħ ta’ bejn 16 u 25 sena, li fl-Unjoni Ewropea jammontaw għal iktar minn 89 miljun, ikollhom aċċess għal 3G mingħajr limitu, fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Jekk isseħħ, din il-proposta se tkun tiswa lill-Unjoni Ewropea 5biljun ewro fis-sena, li fi kliem Cyrus, għandhom jiġu investiti fiż-żgħażagħ u jikkumplimentaw il-5 biljun Ewro oħra li ż-żgħażagħ jużaw fil-programm Erasmus+.
Matul din l-attività, Cyrus ikkommetta ruħu fuq għadd ta’ kwistjonijiet oħra. Fost oħrajn, saħaq li jekk elett se jkun qed jimbarka fuq proċess ta’ konsultazzjoni ma jaqta xejn, biex fil-Parlament Ewropew ikun jista’ jmexxi ‘l quddiem l-ideat u l-proposti li verament jolqtu liż-żgħażagħ Maltin.
Apparti minn hekk wiegħed ukoll li bħala MEP, se jkun qed jagħti opportunitajiet lil għadd ta’ studenti żgħażagħ, biex isegwu mill-qrib ix-xogħol tiegħu fi Brussell u Strasburgu, f’forma ta’ placements.
Saħaq li l-ħsieb wara l-attività f’San Ġiljan bl-isem ta’ ‘Yourope – Voice Your Vision’, kien li jlaqqa’ liż-żgħażagħ, u din id-darba, jisma’ lilhom dwar kif jista’ jkollna Unjoni Ewropea eqreb taċ-ċittadin. Fil-fatt, għal din l-attività kien hemm għoxrin organizzazzjoni, ħafna minnhom studenteski. Rappreżentatni minn dawn l-organizzazzjonijiet differenti, kellhom l-opportunità li jgħidu li jixtiequ, u jgħamlu d-domandi tagħhom lil Cyrus.
Bi tweġiba għall-interventi tal-organizzazzjonijiet, Engerer propona kunsill konsultattiv taż-żgħażagħ, li jiddiskuti l-leġiżlazzjonijiet li jkunu se jgħaddu, biex jaraw kif dawn jistgħu jittejbu, u li jaħdem fuq l-istess mudell tal-MEUSAC f’pajjiżna.
Fl-istess waqt, Cyrus ikkommetta ruħu li jkun ibbażat f’pajjiżna, u li jagħti widen liż-żgħażagħ Maltin, minħabba li fi kliemu, kull deċiżjoni li tittieħed fl-UE, b’xi mod jew ieħor, taffetwa lilhom.
Tkellem ukoll dwar il-vot sittax, proposta li tħabbret lill-Istati Memrbi matul il-Presidenza Maltija. Qal li dakinhar, sfortunatament, kienu biss Malta u l-Awstrija li qablu li jagħmlu dan il-pass. Jemmen ukoll li l-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali huwa biss l-ewwel pass, u li issa dawn għandhom jingħataw il-vot ukoll fl-elezzjonijiet Nazzjonali kif għandna f’Malta, madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Dwar dan saħaq ukoll li issa li iktar żgħażagħ għandhom id-dritt għall-vot, huwa importanti li issa jużawh, u fil-25 ta’ Mejju joħorġu bi ħġarhom jivvutaw. F’messaġġ lill-elettorat, partikolarment immirat lejn iż-żgħażagħ, Cyrus qal li l-jum li fih dak li jkun ma joħroġx jivvota, huwa l-jum li fih jibdew jittieħdu deċiżjonjiet kontra li jemmen dak il-persuna.
Intervent partikulari kien dak ta’ Daniel Grech, kok u intraprenditur, li huwa wkoll ħabib ta’ Cyrus. Dan irrakkonta kif fil-passat, ħadem f’iktar minn okkażjoni waħda miegħu. Saħaq li hu jemmen f’Cyrus u li l-karatteristiċi ta’ Cyrus, jekk elett, se jgħinuh fix-xogħol tiegħu ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.
Intervjena wkoll Karl Naja, sewwieq tal-BMX li ta’ spiss jirrappreżenta lil pajjiżna f’dan l-isport. Hu saħaq li meta tirrapreżenta lill-pajjiżek barra, dejjem tkun kburi b’pajjiżek u konvint li l-kwalitajiet ta’ Cyrus u l-kburija tiegħu b’pajjiżna se jkunu r-riżultat tas-suċċess.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, irringrazzja lil Cyrus tal-attività li organizza, hekk kif din tat iktar esponenza lil dawn l-organizzazzjonijiet.
Clifton Grima tkellem ukoll dwar il-kompetenza ta’ Cyrus, fejn saħaq li l-fatt li diġà ħadem fil-Parlament Ewropew, jagħmlu l-kandidat ideali biex ikun Membru tal-Parlament Ewropew kompetenti, li jiġġieled favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha.