Għal kull ewro li l-pajjiż qed jinvesti fi proġetti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa fit-toroq Maltin se jkun qed jieħu lura madwar sebgħa ewro fuq perjodu ta’ ħamsa u għoxrin sena.
Dan joħroġ minn studju li sar mill-ekonomista Gordon Cordina li ġie ppreżentat waqt konferenza li għaliha attendew bosta unjins tal-ħaddiema, assoċjazzjonijiet ta’ imprendituri u employers.
L-istudju kkummissjonat minn Infrastructure Malta juri li x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Marsa Ħamrun Bypass, Triq tal-Balal, Triq Buqana, il-mini ta’ Santa Luċija u fi Triq Sant Andrija, b’investiment ta’ mija u wieħed u erbgħin miljun ewro se jwasslu għall-benefiċċju ekonomiku ta’ aktar minn elef u mitejn miljun ewro.
Ir-riżultati tal-istudju juru wkoll li ta’ kull sena, is-sewwieqa se jiffrankaw ħames miljun siegħa mill-ivvjaġġar; li jfisser li kull persuna se jiffrankaw ħamsa u sebgħin ewro fi fuel kull sena għal kull vettura.
Ma’ ONE News, l-ekonomista Cordina attribwixxa dan dawn il-benefiċċji ekonomiċi għal bosta fatturi fosthom nuqqas ta’ inċidenti u popolazzjoni aktar b’saħħitha.
“Min qed jivvjaġġa ħa jkun qed jagħmel dan f’inqas ħin u ħa jkollok aktar ħin xi tqatta’ għall-ħidma kif ukoll ħin ta’ kwalita’ – il-pajjiż kollu kemm hu ħa jkun qed jiffranka aktar spejjeż tal-fuel għaliex b’inqas konġestjoni t-traffiku jimxi iktar aħjar u b’inqas ħela,” huwa qal.
Mill-istudju joħroġ ukoll li dawn il-proġetti se jwasslu biex l-emmissjonjiet mill-karozzi jonqsu b’aktar minn 62 elf tunnellata.
Dr Cordina spjega li ta’ kull sena se jiġu ffrankati ħamsa u għoxrin miljun ewro fi spejjeż ta’ fuel, waqt li l-produzzjoni se tiżdiedu bi tmintax-il miljun ewro oħra fis-sena għax is-sewwieqa se jagħmlu inqas ħin fit-traffiku.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li b’dawn il-propetti , il-Gvern qed jagħti lin-nies wkoll aktar ħin ta’ kwalità mal-familja.
“Qegħdin nibdlu d-direzzjoni fejn qabel kellek it-trasport li kien il-mażra ta’ ekonomija li kienet qed titlef miljuni matul is-sena għaliex interventi ma sarux. Dan ifisser aktar effiċjenza fuq it-toroq tagħna u ġġib magħha sigurtà, fl-istess ħin ukoll benefiċċji ambjentali u dawk ta’ saħħa lil hinn minn dawk ekonomiċi li huma hafna,” qal Dr Borg.
Il-Ministru ħabbar ukoll li laqgħa r-rakkomandazzjoni ta’ Dr Cordina biex parti mill-flus li se jiġu ffrankati jintefqu f’infrastruttura ħadra.