Tul il-jum tal-Ħadd bhala parti mill-kampanja ‘Wave of Change’ saru diversi clean ups , fosthom minn qiegħ il-baħar fil-bajja tax-Xemxija – dan bil-għan li jitellgħu ħafna oġġetti li ġew mormija tul is-snin u li qed jikkawżaw ħsara kbira.
Għan ieħor kien li titqajjem kuxjenza dwar l-ammont dejjem jiżdied ta’ plastik fil-baħar. Fil-fatt huwa stmat li sas-sena 2050 se jkun hemm iżjed plastik milli ħut fl-ibħra tagħna.
Bħala parti minn dan l-avveniment, il-personalitajiet Trudy Kerr u Deborah Gatt qattgħu tmiem il-ġimgħa jiġru mal-kosta Maltija fuq distanza ta 126km, sabiex ukoll jwasslu l-messaġġ dwar il-bżonn ta’ ibħra nodfa mill-plastik.
Raniero Borg, għaddas ta’ esperjenza u li jmexxi l-paġna Raniero’s Adventures – Live Life, ikkordina t-tindif li sar taħt il-baħar.
Minn qiegħ il-baħar itellgħu għexjieren ta’ tyres, deckchairs, bagi mifqugħin li spiċċaw mgħerrqa u diversi affarijiet oħra relatati mal-baħar li tħallew fil-qiegħ. Il-preżentatriċi magħrufa Clare Agius, li marret tappoggja u tiddokumenta, qalet li huwa mpressjonanti l-ammont ta’ skart li ttella’.
L-attivitajiet kienu mtella’ bis-sapport tal-ERA, ATLAM sub aqua club u diversi entitajiet u għaqdiet oħra.