Fl-aħħar erba’ snin, ħamsin ruħ kisbu t-tieni ċans f’ħajjithom wara r-riforma kbira li għamel il-Gvern fil-liġijiet dwar id-drogi li fost oħra stabbillew li min jinqabad bid-droga għall-użu personali ma jingħatax piena ta’ ħabs.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha stqarr li dan kien possibbli permezz ta’ mekkaniżmi li neħħew l-enfasi minn fuq l-għoti tal-kastig għal sistema li tippromwovi l-prevenzjoni u l-kura.
“Aħna konna ilna nisimgħu dwar il-bżonn li persuni li jkunu tressqu l-qorti b’reati ta’ droga imma fil-frattemp ikunu rriformaw ħajjithom ma jispiċċawx il-ħabs. U jien kuntent ħafna li bis-saħħa ta’ emendi kuraġġjużi li konna għamilna erba’ snin ilu, kellna 50 persuna li litteralment ingħatawlhom it-tieni ċans f’ħajjithom sabiex ikomplu b’ħajjithom, sabiex jirriformaw u ma jibqgħux marbutin mal-vizzju ikrah tad-droga,” qal il-Ministru Bonnici.
Spjega kif din il-liġi tipprovdi metodi diversi kif persuni akkużati b’offiżi relatati mad-droga jingħataw għajnuna u inċentivi b’saħħithom ħafna sabiex toħroġ mill-vizzju.
Il-liġi l-ġdida pprovdiet lil dawk li jinstabu b’pussess ta’ droga f’ammonti żgħar għal użu personali jidhru quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja, u mhux jitressqu l-qorti.
Il-Ministru Bonnici spjega li minn total ta’ elfejn, sebgħa mija u għaxar persuni li tressqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja, kienu biss 88 li nstabu ħatja ta’ din l-offiża darbtejn fi żmien sentejn.
Matul dawn l-erba’ snin, jirriżulta wkoll li minn mija, erbgħa u tlettin każ li ġew riferuti lill-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, f’ħamsin każ il-Bord ikkonkluda li l-persuni ħarġu mill-vizzju.
Il-Ministru spjega kif riforma oħra kienet f’każijiet ta’ pussess aggravat u ċerti każijiet ta’ traffikar ta’ droga li skont il-liġi jridu jingħataw sentenza ta’ ħabs, il-Qorti ngħatat is-setgħa li minflok ma tagħti piena ta’ ħabs, tagħti pieni oħrajn.
Qal li mill-għoxrin każ ta’ persuni li kienu ġew riferuti mill-Bord, tliet persuni diġà ngħataw piena li m’hijiex waħda ta’ ħabs u l-bqija qed jistennew li jingħataw sentenza.
Dr Bonnici tenna li r-riżultati juru li r-riforma qed twassal biex jiġu rriformati l-ħajjiet u tipprovdi t-tieni ċans għal dawk li jaħdmu għalih.