Iwaħħlu f'xulxin għall-inkwiet intern fil-PN | One News

Notifiki

Iwaħħlu f’xulxin għall-inkwiet intern fil-PN

Il-qasma kbira li kompliet toħnoq it-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia issa saħansitra wasslet lil dawk l-aktar qrib tiegħu sabiex ifittxu impjiegi alternattivi oħra għal wara Mejju.

Fl-istess ħin, dawk li ġejjin mill-fazzjonijiet opposti u li minn dejjem opponew b’qawwa liema bħalha t-tmexxija ta’ Delia qed iħejju  biex wara dan l-appuntament elettorali li jmiss jkomplu jħarxu l-attakk fil-konfront tal-Kap u n-nies tiegħu.

Dan qalitu l-gazzetta MaltaToday fejn fil-faċċata ta’ quddiem spjegat kif il-laqgħa ta’ bejn Kristy Debono uHerman Schiavone ma’ persuna kkritikata mill-istss partit kompliet twessa’ l-qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista b’deputati jwaħħlu f’xulxin għall-ġlied intern fl-istess partit. 

Fil-fatt, deputat li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna li d-deċiżjoni li żewġ esponenti għoljin Nazzjonalisti jiltaqgħu ma’ persuna li kienet fil-mira tal-istess partit kienet waħda stupida.

Minn naħa l-oħra fl-isfond ta’ dan il-kjass fit-tmexxija Nazzjonalista il-gazzetta Illum ikkonfermat kif wara l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej, ikun xi jkun ir-riżultat, se tkun qed issir pressjoni kbira sabiex Adrian Delia jċedi postu. Filfatt fid-Dar Ċentrali reġgħu bdew jidwu xi ismijiet li jistgħu jieħdu post Delia fit-tmexxija tal-partit.

Intant, il-Partit Nazzjonalista li dejjem sab spalla kbira mill-ġurnal The Times, il-Ħadd ħarġet jattakka din l-istess gazzetta li qed tkun kritika ta’ Delia u ta’ spalla kbira għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, b’dan tal-aħħar jibqa’ jingħata aktar prominenza f’dan il-ġurnal milli l-Kap innifsu.

Il-ġurnal Kullħadd innota li b’dak li seħħ fl-aħħar jiem, kompliet tiddgħajjef il-pożizzjoni ta’ Delia fit-tmexxija tal-partit. Dan wara wieħed minn sensiela ta’ attakki pjanati li wasslu biex iċedi u jitlob lil Schiavone biex jagħmillu pjaċir u jissospendi lilu nnifsu sakemm jgħaddu l-elezzjonijet tal-parlament ewropew. Sospensjoni li kien talabha wkoll lil Busuttil dwar l-akbar frame-up politiku fuq il-prim ministru iżda li kellu jirtiraha wara li pressjoni kbira li kienu għamlulu dawn l-istess deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend