"Id-deċiżjonijiet li jieħu dan il-Gvern huma ta' responsabbiltà u fl-aħjar interess ta' pajjiżna"- il-PM | One News

Notifiki

“Id-deċiżjonijiet li jieħu dan il-Gvern huma ta’ responsabbiltà u fl-aħjar interess ta’ pajjiżna”- il-PM

F’sitwazzjonijiet diffiċli, dan huwa Gvern li jieħu deċiżjonijiet ta’ prinċipju u li huma fl-aħjar interess tal-poplu.

Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat fiċ-Ċentru Laburista fil-Mellieħa, b’referenza għal każ tal-vapur Alan kurdi, li sa’ din il-ġimgħa stess kien jinsab ftit il-barra mill-ibħra Maltin b’64 persuna abbord.

Il-Prim Ministru tenna li għalkemm din il-problema ma ħolqitiex Malta, sitwazzjoni bħal din kienet ta’ pressjoni fuq pajjiżna. Pressjoni li wasslet sabiex ċerti ndividwi ppruvaw jpinġu lil poplu Malti bħala poplu bla qalb.

“Żgur ma konniex l-iktar post qrib fejn dawn il-persuni li setgħu jmorru u allura mhux ħa nħallu l-ħadd li jipprova jpinġina bħala nies bla qalb li ġibna din is-sitwazzjoni”.

Muscat tenna li quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern kellu tlett għażliet importanti x’jagħmel. Kellu fost oħrajn l-għażla li jaċċetta lil dawn l-immigranti, fejn minkejja t-tajjeb tagħha, jkun tilef punt ta’ prinċipju importanti:

“Imma punt ta’ prinċipju ġej sajf allura u kull għaqda internazzjonali li ssalva nies minn ħdejn il-Libya tgħidlek mela t-Tuneżija ma mmorrux għax dawn iridu jmorru l-Ewropa, it-Taljani ma jdaħluniex mela nidħlu Malta dawk idaħluna toqgħodux tinkwetaw”.

Għażla oħra kienet li l-portijiet Maltin jingħalqu. Għażla li kienet tikkontradixxi l-valuri tal-poplu Malti favur l-ħajja minkejja li trebbaħ il-voti.

“Jekk ikun hemm għaqdiet u persuni li jridu jagħmluha ta’ qaddisin fuq kwistjonijiet bħalma diġa semmejt bħall-abort, irridu nerfgġu kollox hemmekk”.

It-tielet għażla kienet l-iktar importanti u li tagħmel sens, qal il-Prim Ministru. Għażla li kienet tirrikjedi l-persważjoni u s-sens komun sabiex b’hekk intlaħaq kompromess bl-għajnuna wkoll tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif erba pajjiżi Ewropej aċċettaw li jieħdu l-immigranti kollha li ddaħlu Malta:

“L-64 persuna li għinna u urejna l-wiċċ veru tal-kompassjoni Maltija li għinihom u daħħalnihom f’pajjiżna, l-ebda wieħed minnhom m’huma ħa jibqgħu f’Malta”.

B’hekk il-Prim Ministru tenna li quddiem dawn id-deċiżjonijiet u din it-tip ta’ pressjoni, id-dover tal-Gvern mhux li jieħu l-iktar soluzzjoni faċli imma li jieħu l-aħjar soluzzjoni u t-triq tas-sens komun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend