Fl-Alġerija, tul il-jum tal-Ġimgħa, il-Pulizija arrestat 108 persuni involuti fi protesti u ġlied.
Il-Pulizija saħansitra użaw il-kanun tal-ilma u l-gass tad-dmugħ kontra d-dimostranti li kienu qed isejħu għat-tneħħija tal-President Interim – Abdelkader Bensalah.
Mezzi tax-xandir internazzjonali spjegat li protesti paċifiċi ilhom jittellgħu kull nhar ta’ Ġimgħa fi bliet fl-Alġerija għall-aħħar xahrejn, però lbieraħ lejn l-aħħar tal-protesti l-Pulizija arrestaw mija u tmien persuni, wara li mas-sebgħa u għoxrin uffiċjal indarbu.
Il-President Alġerin Abdelaziz Bouteflika irriżenja l-ġimgħa li għaddiet, u Abdelkader Bensalah ħadlu postu temporanjament sakemm – sostna – isiru elezzjonijiet ġodda u ħielsa fl-4 ta’ Lulju.
Imma bosta jaraw lil Bensalah bħala wisq qrib tal-predeċessur tiegħu, u l-protesti fit-toroq qed jitolbu għar-riżenja tiegħu. Dan minkejja li Bensalah, skont il-kostituzzjoni Alġerina, se jkun fil-kmand għal disgħin jum biss, u mhux se jkun jista’ jikkontesta f’dik l-elezzjoni.