Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li Malta ma tistax terfa’ piż ta’ problema u sitwazzjoni li ma ħloqnihiex aħna.
Dr Muscat qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti b’rabta mal-aħħar kwistjoni li nqalgħet bil-vapur Alan Kurdi li fuqu hemm 64 immigrant.
Il-Prim Ministru qal Malta dejjem imxiet mal-liġi marittima internazzjonali.
Qal li fil-każ tal-Alan Kurdi, is-salvataġġ sar fl-ibħra territorjali Libjani. Spjega li għal xi raġuni, it-tmexxija tal-vapur għażlet li ma tmurx it-Tuneżija li hija kkunsidrata bħala pajjiż sigur, iżda għażlet li tipprova tmur l-Italja u ma ħallewhiex tidħol.
Qal li issa l-vapur trakka barra minn Malta.
Huwa saħaq li mhux ġust li xi ħadd jippunta subgħajh lejn Malta li m’għamlitx xi ħaġa li hija fid-dover tagħha.
“Din hija problema li ma ħolqithiex Malta u qed nintalbu li nsolvuha”, qal il-Prim Ministru li waqt li sostna li Malta dejjem lesti li tgħin f’soluzzjonijiet, ma jistax ikun li l-piż nerfgħuh aħna.
Fakkar li meta kien hemm il-kwistjoni tal-vapur tal-el hiblu li jinsab il-qorti dwar l-allegat hijack, Malta mxiet bil-mod kif kellha timxi.
Madankollu fil-każ tal-vapur Alan Kurdi, il-Prim Ministru qal li ma nistgħux nagħtu sinjal li qisu pajjiżi oħra jagħmlu li jridu u jitfgħu l-problema fuq Malta.
“U għalhekk hemm kuntatti bħalissa. Għamilna dan il-punt b’mod ċar ħafna mal-istituzzjonijiet u mal-persuni kkonċernati u nistennew l-iżviluppi. Żgur ma jistax tkun Malta li terfa’ l-piż ta’ problema u sitwazzjoni li ma ħloqnihiex aħna”, saħaq il-Prim Ministru.