€3 miljuni għal-laboratorju li se jistudja mediċini tal-kanċer – One News

Notifiki

€3 miljuni għal-laboratorju li se jistudja mediċini tal-kanċer

Il-kumpanija tal-Farmaċewtika Aurobindo se tinvesti tliet miljun ewro biex tibda tagħmel testijiet fuq mediċini minn pajjiżi oħra qabel ma’ dawn joħorġu għall-pazjenti fis-suq Ewropew.

Dan il-proċess jissejjaħ ‘batch releasing’ u huwa t-tielet investiment maġġuri ta’ Aurobindo f’Malta. Dan il-proċess diġà jseħħ f’pajjiżna, iżda Aurobindo se tkun l-ewwel kumpanija li se tiffoka dan l-investiment fuq mediċini ġeneriċi tal-Onkoloġija, jiġifieri tal-kura tal-kanċer.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Aurobindo hija waħda mill-aqwa eżempji tar-relazzjoni eċċellenti bejn il-Gvern u l-industrija. Dan filwaqt li nnota li l-ħaddiema tal-kumpanija, li grazzi għal dan l-investiment issa se jiżdiedu b’għoxrin oħra, qed isibu ambjent dinamiku fejn jaħdmu.

“Nemmen li llum il-ġurnata ma tattirax il-ħaddiem biss bil-package li tkun qed toffri imma anke bil-flessibbiltà ta’ ħinijiet u kif int tkun tista’ tagħmel il-family friendly measures. Din hija kumpanija li qabdet dan il-mindset li family friendly measures ma tarahomx bħala piż iżda mod ta’ kif int tattira l-aqwa riżorsi tal-aqwa kwalità.”

Jonathan Farrugia, Spiżjar u Kap tal-Kwalità fi ħdan il-kumpanija, spjega x’ tip ta’ testijiet se jsiru bis-saħħa tal-investiment.

“Dawn il-mediċini se jiġu ttestjati fil-laboratorju ġdid. Hemm proċess rigoruż ta’ kwalità kemm għal pazjenti Maltin u anke għal dawk Ewropej, għaliex il-kumpanija tesporta wkoll lejn l-Ewropa.”

Il-kumpanija qed tfakkar l-għaxar snin tagħha f’Malta, fejn minn kumpanija żgħira li tħaddem biss tliet persuni, pajjiżna ttrasformaha f’waħda mill-aqwa kumpaniji fid-dinja u llum tħaddem mal-mija u ħamsin ruħ. Hija meqjusa wkoll fost l-akbar laboratorji fl-Ewropa li tipproduċi mal-għaxart elef lott ta’ mediċini ġeneriċi fis-sena.

Dan mhux biss preġju għall-kumpanija u għal pajjiżna, iżda jfisser ukoll prezzijiet aktar kompetittivi għall-konsumaturi.

“At the end of the day tfisser prezzijiet orħos tal-mediċini, u availability tagħhom għall-pazjenti li jkollhom bżonn dawn it-tip ta’ mediċini.”

Il-Ministru Chris Cardona, kif ukoll rappreżentati minn Malta Enterprise ukoll kienu preżenti għat-tħabbira tal-aħħar investiment li se ġġib din il-kumpanija.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend