Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-votanti li jixtiequ jivvutaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, minħabba każijiet ta’ safar jew sptar, illi jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, Kumpless tal-Għadd tal-Voti, fin-Naxxar jew fi 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, minn nhar it-Tnejn, il-15 ta’ April 2019, biex jieħdu l-ġurament stipulat.
Il-ħinijiet huma: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: mit-8.00 a.m. sas-1.30 p.m. u mit-3.00 p.m. sat-7.00 p.m, filwaqt li Sibtijiet u Ħdud: mit-8.00 a.m. sa nofsinhar.
L-Uffiċċji jkunu magħluqa fid-19 u fil-21 ta’ April, 2019.
Iżda kulħadd huwa avżat illi t-terminu legali biex isiru dawn l-applikazzjonijiet bil-ġurament huwa sa nofsinhar tal-Ġimgħa, is-17 ta’ Mejju, 2019.
Kull applikant għandu jieħu miegħu l-Karta tal-Identità jew tar-Residenza tiegħu.
Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-votanti li jikkwalifikaw biex jivvotaw fit-18 ta’ Mejju illi jrid ikollhom id-dokument/i tal-vot, u li dawk irreġistrati Malta jivvotaw fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u dawk il-votanti rreġistrati fuq Għawdex jivvotaw fil-Farm Sperimentali tal-Gvern, Triq l-Imġarr, ix-Xewkija.q