'Il-Mixja tal-Mara fil-Politika' wirja f'Għawdex: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova fondi għall-proġett b'rabta ma' aktar nisa fil-politika | One News

Notifiki

‘Il-Mixja tal-Mara fil-Politika’ wirja f’Għawdex: Il-Kummissjoni Ewropea tapprova fondi għall-proġett b’rabta ma’ aktar nisa fil-politika

Fil-messaġġ tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-mixja tal-mara fil-politika Maltija ma kinitx waħda faċli daqskemm wieħed jaħseb li hi. ‘Il-kunċett ta’ soċjetà inklussiva, li llum inqisuh sagru, kien għadu fjakk u meqjus bħala theddida għall-istatus quo li kien eradikat fil-moħħ u fil-ħajja tal-poplu’, qalet il-Ministru Caruana. Il-Ministru Caruana qalet li kien għalhekk li kienet meħtieġa riforma ħolistika fis-soċjetà, riforma li sabet oppożizzjoni qawwija. Il-Ministru għal Għawdex irrikonoxxiet fażijiet li sawwru l-istorja ta’ pajjiżna bħall-introduzjoni tad-dritt tal-vot lin-nisa fl-1947 u l-ħatra ta’ Agatha Barbara bħala l-ewwel President Mara fl-1982.

Il-Ministru Caruana fakkret kif mill-1947 sal-lum, 26 mara ġew eletti fil-Kamra tar-Rapreżentatni fejn uħud servew bħala Ministri u Segretarji Parlamentari waqt li l-Għawdxija Myriam Spiteri Debono serviet ukoll bħala Speaker tal-Kamra. Fakkret kif fit tmexxija ta’ Għawdex, minn erba’ ministri għal Għawdex, tnejn minnhom kienu nisa, u kif sa mill-2003 sal-lum f’kull leġiżlatura kien hemm żewġ deputati nisa. Dan juri kemm is-soċjetà Għawdxija hija matrijarkali u tagħti appoġġ lin-nisa.

Il-Ministru għal Għawdex ħeġġet biex aktar tfajliet u nisa jagħmlu dan il-pass importanti f’ħajjithom u jagħtu kontribut lis-soċjetà permezz tal-politika.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea approvat proġett ta’ €350,000 biex aktar nisa jkunu nvoluti fid-dinja politika u pubblika.

Hi qalet li dan il-proġett huwa 80% ffinanzjat minn fondi Ewropej. Dan il-proġett se jkun qed isir mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Università ta’ Malta u l-Konfederazzjoni Maltija għall-organizzazzjonijiet tan-nisa.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li dan l-iżvilupp huwa ċertifikat li l-Unjoni Ewropea temmen f’din ir-riforma li qed jagħmel il-Gvern Malti.

Hija ħeġġet lis-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali biex ikomplu jagħtu s-sehem tagħhom fil-konsultazzjoni pubblika u ħeġġet lill-Għawdxin biex iżuru din il-wirja.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend