Apparat mediku ġdid b'investiment ta' €700,000 għal operazzjonijiet li jirrikjedu qasma fiż-żaqq jew fis-sider | One News

Notifiki

Apparat mediku ġdid b’investiment ta’ €700,000 għal operazzjonijiet li jirrikjedu qasma fiż-żaqq jew fis-sider

Kull sena, madwar 5,000 pazjent li jiġu bżonn operazzjoni li tirrikjedi qasma fiż-żaqq jew fis-sider, se jibbenefikaw minn apparat mediku ġdid li beda jintuża fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ €700,000.

Imdawwar b’numru ta’ kirurgi li se jagħmlu użu minn dan l-apparat tal-ogħla livell, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li permezz tiegħu se jitħaddmu sistemi ta’ laperoskopija li jippermettu lill-kirurgu jagħmel interventi dettaljati b’qasmiet żgħar ħafna.

Il-kirurgu Joe Etienne Abela qal li l-pazjenti li l-aktar se jibbenefikaw minn din it-teknoloġija moderna huma dawk li jidħlu b’appendeċite u pazjenti bil-ġebel fil-marrara.

“Il-fatt li t-tagħmir issa huwa High Definition jgħin lill-kirurgu biex jagħmel operations iktar kumplessi per eżempju fejn titneħħa l-musrana l-kbira jew il-musrana ż-żgħira, l-istonku, partijiet mill-frixa, il-pajp tal-ikel, fejn tidħol ġinekoloġija t-tneħħija tal-utru u tal-ovaries.”

Sa issa l-pazjenti li jirrikjedu dawn it-tip ta’ interventi, ikollhom qasma kbira u jispiċċaw iqattgħu numru ta’ ġranet l-isptar biex jirkupraw.

Issa, b’dan l-apparat, il-qasma tkun ferm iżgħar u l-inkonvenjent ferm inqas għall-pazjent, tant li l-ħin li l-pazjent ikollu bżonn iqatta’ fl-isptar qabel ma jintbagħat id-dar, mistenni jonqos b’ħamsa u sebgħin fil-mija.

“Bil-laperoskopija flok qasma kbira, ikollok medja ta’ ħames qasmiet żgħar u dawn ma joffrux daqshekk uġigħ lill-pazjent. Ir-riżultat hu li l-pazjent ma jkunx muġugħ, jiċċaqlaq iktar, jiekol qabel, jattendi għall-bżonnijiet tiegħu qabel allura joħroġ mill-isptar iktar komdu f’qasir żmien.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li dan l-investiment se jwassal għall-pass li jmiss fil-kirurġija f’Malta, fejn fi żmien tnax-il xahar mistennija tibda titħaddem sistema ta’ robotic surgery.

“Bdejna l-proċess biex lejn l-aħħar tas-sena jew bidu tas-sena d-dieħla jkollna dak li ngħidulu robotic surgery jiġifieri għal numru ta’ operazzjonijiet – mhux l-operazzjonijiet kollha, il-kirurgu minbarra li jkollu persuna umana tassistih ikollu wkoll robot li qed jassistih biex l-operazzjoni ssir b’iżjed dettall, inkunu nistgħu nagħmlu operazzjonijiet li sa issa m’għamilniex u l-pazjenti jkollhom riżultati aħjar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend