Owen James Formosa, wieħed mill-klijent ta’ Jordan Azzopardi xehed li qala xebgħa mingħandu u mingħand sħabu filwaqt li kien offrut xogħol bħala traffikant ta’ droga.
Formosa qal dan waqt li kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi ta’ 29 sena magħruf aħjar bħala l-El Chapo ta’ Malta. Huwa jinsab mixli bi ħmistax-il akkuża, fosthom traffikar tad-droga eroina u kokaina u użu ta’ flus foloz.
Formosa xhed li kien wieħed mill-klijenti ta’ Azzopardi u li ta’ kuljum kien jixtri d-droga mingħandu. Huwa kien arrestat waqt it-tfittxija li saret mill-Pulizija fi Triq Mountbatten fil-Ħamrun.
Fix-xhieda tiegħu Formosa spjega li kien qala’ xebgħa mingħand Azzopardi u tnejn minn sħabu.
B’riżultat ta’ dan, Formosa qal li ġarrab ġrieħi f’għajnejh u f’ġenbu tant li kellu jmur l-isptar għal iktar kura.
Formosa spjega li f’bieb tal-ħadid fl-ewwel sular tal-binja fil-Ħamrun kien hemm toqba f’bieb fejn wieħed seta’ jieħu d-droga u jħallas.
Formosa li kien jaħdem bħala kok xehed ukoll li kellu offerti biex jaħdem bħala traffikant tad-droga u kien f’dak il-mument li l-El Chapo liebes libsa blue, ħares fiss f’għajnejn ix-xhud.
Fis-seduta xehed ukoll il-Perit Reuben Vassallo li huwa sid il-villa li tinsab fl-inħawi ta’ San Martin fil-Madliena u li fiha kien qiegħed jgħix l-El Chapo.
Il-Perit qal li Azzopardi kien iħallas kirja ta’ €3,500 fix-xahar.