BIL-FILMAT: Nies fil-Partit Nazzjonalista jridu lil Kristy Debono tirriżenja – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Nies fil-Partit Nazzjonalista jridu lil Kristy Debono tirriżenja

Esponenti nazzjonalisti b’għeruq b’saħħithom fil-Partit Nazzjonalista jridu lid-deputat nazzjonalista Kristy Debono tirriżenja minn President tal-Kunsill ġenerali.

Dan għax fi kliemhom il-pożizzjoni tagħha fil-Partit m’għadhiex aktar tenibbli.

Qalu dan sorsi fil-Partit Nazzjonalista ma’ The Times of Malta.

Dan f’mument fejn fil-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat ta’ firda u qasma kbira bejn il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-eks kap Simon Busuttil.

Dan wara li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li d-deputati nazzjonalisti Kristy Debono u Herman Schiavone qegħdin jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista minħabba laqgħa li kellhom il-Ġimgħa li għadda ma’ Yorgen Fenech li fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni allegat li kien is-sid tal-kumpanija 17 black.

Fl-isfond ta’ dan, it-Times staqsiet lill-Partit Nazzjonalista jekk Kristy Debono hux se twarrab mill-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali. Iżda l-Partit Nazzjonalista injora l-mistoqsijiet tat-Times u ma weġibhomx kif ma weġibx lanqas minn bagħat lil Debono u lil Schiavone għal-laqgħa.

Sorsi b’għeruq fil-Partit Nazzjonalista, qalu lit-Times li nies qrib il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jaqblux li Debono għandha twarrab mill-kariga. Iżda l-istess sorsi li huma qrib il-fazzjoni ta’ Busuttil, jaħsbu li Debono għandha tirriżenja.

L-Editorjal ta’ The Times ukoll ikkummenta fuq l-istat imwegħri li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista. Qal li l-Partit Nazzjonalista hu mmexxi minn Kap bi kredibilita dgħajfa u li l-pożizzjoni tiegħu ma tibqax aktar tenibbli f’każ li jirriżulta li kien jaf bil-laqgħa fit-torri ta’ Portomaso.

L-Editorjal qal li din l-istorja kompliet tħaffer ħofra akbar fil-kredibbiltà diġà dgħajfa tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-abbilità tiegħu li jipprattika dak li jippriedka.

Fuq kollox sostna li dan il-każ juri ipokresija grassa min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, aktar u aktar jekk jirriżulta li din ma kinitx l-ewwel u l-unika laqgħa tax-xorta tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend