BIL-FILMAT: Inawgurat ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal fi Smart City b’investiment ta’ €175,000 – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Inawgurat ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal fi Smart City b’investiment ta’ €175,000

Għexieren ta’ tfal, minn trabi ta’ ftit xhur sa tfal ta’ tliet snin se jibdew l-vjaġġ ta’ ħajjithom f’ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal fin-Naħa t’Isfel ta’ Malta.

Iċ-ċentru Stepping Stones, il-ħames wieħed ta’ din il-kumpanija, kien inawgurat mill-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo fi Smart City, il-Kalkara.

Dan sar b’investiment ta’ mija, ħamsa u sebgħin elf ewro, u diġà qed jagħti servizz tal-ogħla kwalità lil tlieta u għoxrin tifel u tifla.

Tkellimna ma’ Michelle Falzon, id-Direttur Maniġerjali ta’ dan iċ-ċentru, li spjegat li l-kumpanija timpjega mal-ħamsin ruħ li huma kkwalifikata fil-kura u l-ħarsien tat-tfal.

Qalet li fiċ-ċentri nħolqot dinja b’għadd ta’ attivitajiet bħal tisjir, kant, żfin, għawm, artiġġjanat li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw aħjar il-ħiliet tagħhom. Il-ħaddiema huma mħarrġa wkoll biex jieħdu ħsieb tfal bl-awtiżmu jew kundizzjonijiet oħrajn.

“Minn ħames snin s’issa rajna żieda fid-domanda. U ridna ngħinu l-ommijiet li riedu jiġu għandna. Kompleja nkabbru biex naqdu lil dawn in-nies. Għandna proġetti oħra ta’ tkabbir fil-futur biex inkomplu nkattru Stepping Stones.”

Mindu l-Gvern introduċa l-iskema għas-servizz ta’ ħarsien tat-tfal b’xejn, aktar minn sittax-il elf u seba’ mitt tifel u tifla, u tnejn u għoxrin elf u ħames mitt ġenitur ibbenefikaw minn din il-miżura.

Apparti dan, f’ħames snin iċ-ċentri żdiedu minn 69 fl-2014 għal mija, sitta u tletin ċentru.

Waqt li ddawwar maċ-ċentru l-ġdid, il-Ministru Bartolo fakkar l-impenn tal-Gvern mhux biss li joffri l-aqwa kura u ħarsien lit-tfal iżda li jagħti inċentiv lill-ġenituri, l-aktar lill-ommijiet, biex ikompli bil-karriera tagħhom jew jidħlu jistudjaw anke wara li jkollhom it-tfal.

“Dawn iċ-ċentri huma mportanti li fihom qed jattendu aktar minn 4,000 tifel u tifla kuljum. Din is-sena żdiedu b’aktar minn 900. Infaqna fuq l-iskema kważi tnejn u sebgħin miljun ewro. Bis-saħħa t’hekk żdiedu anke n-nisa li jistgħu jaħdmu. Fejn qabel li konna fost l-anqas li kellna nisa jaħdmu issa għandna aktar nisa jaħdmu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend