Is-Sibt li ġej il-Banda tal-Korp tal-Pulizija ser ttella’ kunċert vokali u strumentali ta’ mużika sagra u funebri fil-Katidral tal-Imdina. Il-kunċert se jġib l-isem ta’ ‘La Via Del Calvario’.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Assistent Kummissarju Anthony Cassar li hu wkoll is-Surmast Direttur tal-banda, qal l-kunċert hu wieħed minn triloġija ta’ kunċerti mifruxa matul din is-sena u li fiha qed jiġi ċċelebrat il-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda. Din is-sena wkoll qed jiġi ċċelebrat il-205 anniversarju mit-tqawwif tal-Korp.
Is-Sur Cassar qal ukoll li dan huwa it-tielet kunċert fis-sensiela ta’ kunċerti għal żmien il-ġimgħa mqaddsa fil-Katidral tal-Imdina. Tkellem dwar is-selezzjoni mużikali ta’ dan il-kunċert.
“Għandna mużika għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira, għandna mużika sagra kif ukoll mużika funebri. Imma żgur huma siltiet tal-widna li kulħadd se jiġi jieħu pjacir jismaghhom f’dan il-kunċert”
L-Assistent Kummissarju Cassar qal kif apparti l-Banda tal-Korp se jieħdu sehem għadd ta’ personalitajiet fosthom il-Kor amadeus Chamber Choir.
Biex wieħed jattendi għal dan il-kunċert għandu jakkwista l-biljetti tiegħu mill-kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta, mid-Dar tal-Providenza jew mill-Kunsill Lokali tal-Imidna għal €10.
Id-dħul kollu minn dan il-kunċert se jmur għad-Dar tal-Providenza.