“L-estensjoni trid tkun waħda sensibbli” – il-PM – One News

Notifiki

“L-estensjoni trid tkun waħda sensibbli” – il-PM

Kwalunkwe estensjoni li kapaċi tingħata dwar Brexit għandha tkun waħda sensibbli. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kummenti lill-ġurnalisti, ftit qabel ma beda summit ta’ emerġenza fi Brussell li ssejjaħ wara li Theresa May talbet estensjoni sat-tletin ta’ Ġunju li ġej dwar Brexit.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien preżenti għal dan is-summit, qal li jekk tingħata estensjoni, trid tkun waħda sensibbli.

“Estejnsoni li biha naraw li r-Renju Unit jasal għal soluzzjoni, jew li jibqa’ fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ referendum, jew jiffirmaw il-ftehim li huwa approvat, jew li m’hemmx ftehim u jaqbdu u jitilqu. Li hu żgur hu li aktarma tkun twila l-estensjoni aktar se jkun hemm kundizzjonijiet.”

Kundizzjonijiet li, kif spjega l-Prim Ministru, ftit li xejn hemm bażi legali għalihom. Dan fid-dawl li t-Trattat tal-Unjoni Ewropea jipprovdi biss għall-Istati Membri tiegħu.

“Illum qegħdin f’diskussjoni miftuħa u dieħlin għaliha b’moħħ miftuħ. Jien l-ewwel wieħed se nisma’ l-argumenti, nagħmel il-punti, u jkolli tweġibiet biex nieħu deċiżjoni fl-aħjar interess ta’ Malta, u dak li nemmen li huwa l-aħjar għall-Unjoni Ewropea.”

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk sejjaħ dan is-summit wara li May talbet lill-Unjoni Ewropea permezz ta’ ittra biex testendi l-perjodu tal-ħruġ.

L-ittra tal-Prim Ministru Ingliż żiedet tgħid li jekk dan isir, il-Gvern Ingliż se jibqa’ għaddej bit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.

Brexit kien mistenni jintemm sat- tletin Marzu li għadda, iżda vot wara l-ieħor kontra l-abbozz mid-deputati Ingliżi, wassal biex iż-żewġ partijiet issskunu f’riskju li Brexit iseħħ mingħajr ftehim.

F’summit ftit tal-jiem ilu kien deċiż mill-Mexxejja Ewropej li d- Brexit iseħħ sat-tnax ta’ April li ġej jekk l-abbozz ikun miċħud mill-ġdid mill-Parlament Ingliż.

Id-deċiżjoni tal-Mexxejja Ewropej mistennija titħabbar tard l-Erbgħa filgħaxija.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend