Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tlett akkużati bil-ħtief tal-vapur El Hiblu 1 ix-xahar li għadda. Iżda fil-bidu tas-seduta l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit u l-Ispettur Christa Armeni mill-Iskwadra tat-Terroriżmu preżentaw għadd ta’ akkużi ġodda fil-konfront tat-tlett immigranti akkużati bil-ħtif tal-bastiment El Hiblu 1.
Fost l-akkużi l-ġodda hemm dawk li f’Marzu li għadda t-tliet immputati arrestaw u żammu kontra r-rieda tiegħu lill-Kaptan tal-Vapur, il-Kap Eżekuttiv u l-kru tal-istess vapur. Ġew akkużati li użaw vjolenza sabiex jieħdu f’idejhom dan l-istess vapur, u kif ukoll li qajmu biża fost il-kru tal-istess bastiment. Il-Maġistrat Aaron Bugeja qara l-akkużi l-ġodda fil-konfront tat-tliet imputati. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
L-ewwel xhud f’dan il-każ kien l-investigatur ewlieni l-Ispettur Omar Zammit. Qal kif nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu filgħaxija ġie nfurmat li kien hemm dan il-bastiment ‘EL Hiblu 1’ li kien qed ibaħħar lejn l-ibħra pajjiżna u li jidher li kien hi-jacked. Zammit qal kif l-għada l-Ħamis il-vapur kien fil-kontroll tal-Forzi Armati ta’ Malta, li nforma lill-Maġistrat Monica Vella. Għall-ħabta tal-10:00am tela’ abbord il-vapur fejn tkellem mal-kru tal-bastiment.
Zammit kompla jispjega kif il-Kap Eżkuttiv irċieva ordnijiet minn ajruplan militari biex jagħtu l-assistenza lill-immigranti, fejn qalulhom li dgħajsa oħra mistenna tiġi għall-immigranti. Sitt immigranti abbord id-dinghy irrifjutaw li jitilgħu fuq il-vapur. X’ħin l-ebda dgħajsa oħra ma tfaċċatx il-kaptan tal-vapur reġa beda jħabbar lura lejn il-kosta Libjana. X’ħin l-immigranti raw hekk, Zammit qal li bejn 20 u 25 immigrant abbord id-dgħajsa qabdu diversi biċċiet ta’ għodda u pruvaw jidħlu fil-kamra tal-kaptan fuq il-vapur, magħrufa bħala l-‘bridge’.
Madankollu x’ħin ra hekk il-Kap Eżekuttiv ħalla persuna biex tidħol titkellem magħhom, dan hekk kif il-kamra kienet imsakkra. Madankollu huma riedu li jkunu iżjed. Ħames immigranti rnexxielhom jidħlu ġewwa u ġegħlu lill-kaptan jibdel ir-rotta lejn l-Ewropa.
Meta ma ntlaħaq l-ebda ftehim, il-Kaptan iddeċieda li jibdel ir-rotta bi tlett immigranti jibqgħu ħdejh. Intqal kif allegatament dawn ġegħluh biex jimxi lejn l-Ewropa bil-qawwa massima tal-vapur.
Meta l-vapur kien 30 mil nawtiku minn Malta, il-kru tal-vapur tkellem mall-awtoritajiet Maltin li qalilhom x’kien qed jiġri. Il-Kap Eżekuttiv spjega wkoll lill-awtoritajiet Maltin li jinsabu taħt attakk u taħt att ta’ pirazija u ma tantx jista’ jitkellem. Malli l-Kap Eżekuttiv tal-‘El Hiblu 1’ avża lill-immigranti li l-Forzi Armati ta’ Malta se jieħdu l-vpaur f’idhom, dawn telqu minn dik magħrufa bħala l-bridge.
L-Ispettur Zammit qal li kif dawn il-ħames persuni ġew iddentifikati huma ġew arrestati minnufih, malli il-vapur daħal f’Boiler Wharf l-Isla. Zammit qal kif wieħed mill-immigranti li ried li jagħmel stqarrija quddiem il-Maġistrat Monica Vella, f’din l-istqarrija huwa qal li preferew immutu milli jmorru lura l-Libja.
Qalilhom kif li kieku baqaw sejrin il-Libja kienu jeqirdu l-vapur. L-immigrant ammetta wkoll li meta bdew resqin lejn il-kosta Libjana huma tellaw ħdejn il-bridge fejn bdew iħabbtu mal-ħġieġ u jheddu li se jagħmlu xi ħaġa ħażina. Meta mistoqsija x’kienet din il-ħaġa ħażina huwa qalilhom jew li jeqirdu l-vapur jew inkella joqtlu lilhom infushom.
It-tieni xhud f’dan il-każ kien uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li ismu ma jistax jissemma minħabba l-irwol tiegħu. Huwa qal kif l-armata ġiet avżata mis-servizzi tal-avjazzjoni li kien hemm vapur aħmar li kien qed ibaħħar lejn in-Nofs in-nhar, minnufih ġie rilaxxat ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta li nterċetta l-vapur.
Il-Kaptan tal-El Hiblu 1 qal mal-ajruplan li jinsab taħt att ta’ piraterija u ma jistax jitkellem iżjed. Waqt li l-kaptan beda jitkellem mal-ajruplan, bdew jinstemaw ukoll l-uffiċjali militari tal-Kosta Libjana jitkellmu mall-istess ekwipaġġ tal-ajruplan. Qabel ma’ l-ajruplan reġa’ lura lejn Malta huwa talab lill-Kaptan biex jikkonferma jekk kienx taħt il-kontroll tiegħu, min-naħa tiegħu huwa kkonfermalu li ma kienx fil-kontroll tiegħu.
Meta din id-dikjarazzjoni saret, il-vapur kien f’pożizzjoni li kien ħiereġ mill-ibħra Libjani beda dieħel fl-ibħra Maltin. L-ajruplan informa lill-Kaptan tal-Vapur li ma għandu l-ebda permess jidħol fl-ibħra Maltin.
L-uffiċjal spjega li malli l-vapur wasal 24 mil nawtiku l’barra mill-ibħra Maltin, patrol boat tal-Forzi Armati interċettat il-vapur. Spjega li hawnhekk il-Kaptan tal-Patrol Boat P21 kellem lill-kaptan tal-vapur El Hiblu 1 li min-naħa tiegħu qalu li ma jinsabx fil-kontroll tal-vapur. Il-Kaptan tal-P21, staqsa lill-Kaptan tal-El Hiblu 1 jekk hux qed taħt theddid mill-immigranti li min-naħa tiegħu qalu Iva. Il-Kaptan qal ukoll li kellhu xi nies imweġġa’ abbord, li kellhu tkissier fuq il-vapur, u li anke ġie attakkat.
Il-Kaptan tal-Forzi Armati ta’ Malta ordna biex jieqaf u biex ma jipproċedix lejn l-ibħra Maltin, madankollu l-Kaptan qallu li dan ma jistax isir. Fil-Qorti nqtal ukoll kif ħin minnhom semgħu wkoll immigrant jgħidilhom ‘Good Morning Sir – I am one of the migrants’.
Il-Kaptan tal-Forzi Armati avża lill-Kaptan tal-El Hiblu 1 li se tiskatta investigazzjoni, fost oħrajn din se tara wkoll jekk hux vera hemm nies imweġġa’ u jekk hux vera qed tintuża l-forza.
Sadanittant sbieħ it-28 ta’ Marzu, malli l-bastiment El Hiblu 1 daħal fl-ibħra Maltin, il-Patrol Boat 51, flimkien ma’ żewġ dinghies tal-istess Armata, bdew javiċinaw lejn il-bastiment. Qabel ma l-uffiċjali tal-Forzi Armati telaw fuq il-bastiment f’operazzjoni delikata reġaw kellmu lill-Kaptan tal-El Hiblu 1.
Kien hawn li qalilhom li reġa qiegħed fil-kontroll tal-vapur, sadanittant l-uffiċjali tal-Forzi Armati laħqu pproċedew fuq il-vapur.
Fix-xhieda tiegħu l-Uffiċjal tal-Forzi Armati qal ukoll li kienet il-Kamra tal-Kontroll ta’ Ruma l-‘MRCC’ li ordnaw lill-vapur El Hiblu 1 sabiex jgħabbi l-immigranti li kienu fuq id-dingy.
It-tielet xhud fis-seduta kien Uffiċjal Għoli tal-Armata li mexxa l-operazzjoni kollha, qal kif ġie nfurmat li kien hemm vapur li l-kaptan tiegħu ma kienx fil-kontroll tiegħu, u li kien fil-ħsieb li jidħol f’Malta. Spjega li qalu lill-bastiment li ma għandux il-permess li jidħol f’Malta, madankollu l-Kaptan baqa’ jinsisti li ma huwiex fil-kontroll ta’ dan il-bastiment.
Qal li meta l-armata rat li dan il-vapur ser jibqa’ dieħel f’pajjiżna, bagħtet Patrol Boat tagħha, dan minħabba li kien hemm biża fuq is-sigurta’ tal-kru u anke fuq is-sigurta’ ta’ pajjiżna. L-Uffiċjal tal-FAM qal ukoll kif dak mill-ewwel informazzjoni li bdiet taslilom li l-kru kien taħt theddida kontinwa, u li l-Kaptan baqa’ jisħaq sal-aħħar li l-Kaptan ma kienx fil-kontroll tal-bastiment.
Qal ukoll kif il-Kaptan tal-Vapur qal li huwa fil-kontroll tal-bastiment hekk kif daħal fl-ibħra Maltin. Dan wara informazzjoni li bdiet tasal lill-awtoritajiet Maltin li dan il-vapur dieħel f’pajjiżna.
Waqt ix-xhieda tiegħu qal kif dan il-bastiment beda juri diversi stramberiji sa minn qabel, u bl-informazzjoni li bdiet tasal, qal li kien fid-dmir tal-armata li jintbagħad ajruplan sabiex jiġbor informazzjoni.
Dan sar biex sakemm jidħol fl-ibħra Maltin, l-awtoritajiet Maltin ikunu diġa għamlu l-preparamenti tagħhom. Intqal li l-Kaptan baqa’ jinsisti li jbaħħar lejn pajjiżna, għax l-immigranti riedu li jsir hekk.
Ir-Raba’ xhud kien uffiċjal ieħor involut fl-operazzjoni tal-assalt fuq il-bastment El Hiblu 1. Qal kif waqt l-operazzjoni ra wkoll xi persuni kienu ħerġin mill-bridge tal-kaptan. Qal kif dan seħħ eżattament qabel il-membri tal-Forzi Armati taw l-assalt. Hu qal li ra bejn 2 u 3 persuni ħerġin mil-bridge.