“Jien ma nagħmilx bħal Jason Azzopardi – ma niktibx kontra l-kollegi tiegħi.”
Iddikjara dan id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, li ġie mgħajjar mid-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi li qiegħed jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Dan f’mument fejn fil-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat ta’ firda u qasma kbira bejn il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-eks kap Simon Busuttil.
ONE News talab ir-reazzjoni ta’ Hermann Schiavone dwar dak li kiteb dwaru Jason Azzopardi.
Azzopardi qal li Schiavone u Kristy Debono qegħdin jagħmlu ħsara lil Partit Nazzjonalista minħabba laqgħa li kellhom il-Ġimgħa li għadda ma’ Yorgen Fenech li fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni allegat li kien is-sid tal-kumpanija 17 black.
Il-gazzetta The Times irrapportat li f’din il-laqgħa, iż-żewġ deputati Nazzjonalista talbu lil Fenech biex ma jħallsux għall-kiri ta’ swali tal-konferenzi fil-lukanda tiegħu f’San Ġiljan.
Schiavone qal li hu ma jagħmilx bħal Jason Azzopardi u ma jiktibx kontra l-kollegi tiegħu.
“Jien ma nagħmilx bħal Jason. Jien ma niktibx kontra l-kollegi tiegħi,” huwa qal.
Aktar minn hekk, Jason Azzopardi akkuża lil Hermann Schiavone u lil Kristy Debono li huma kompliċi mal-kriminali u li qegħdin jaħdmu minn wara dahar il-Grupp parlamentari Nazzjonalista.