B’investiment ta’ €8 miljun ġiet inawgurata sistema ġdida tal-Informatika fit-torri tal-kontroll tal-ajru fl-arjuport.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Minsitru għat-Turiżmu Konrad Mizzi flimkien mac-Chairman tal-Malta Air Traffic Services il-Maġġur Tony Abela ntqal kif din is-sistema ‘state of the art’ se żżid l-effiċenzja għax tinkludi fost oħrajn teknoloġija moderna li se jkollha aktar kontroll fuq l-ajruplani u t-traffiku tal-avjazzjoni.
Il-Maġġur Abela qal kif l-aħħar investiment kien sar fl-1994.
“Pero’ s-sistema li għandna llum hi dik li ngħidulha fully electronics triplet system jiġifieri ma tikteb xejn il-Controller iżda titla’ l-informazzjoni kollha. Barra minn hekk għandha numru ta’ safety nets jiġifieri jekk il-controller ikun qed jagħmel xi ħaġa u jkun hemm accident lill-ajruplani jiġu conflicted, din ittella warning li 30 mins oħra se jkunu viċin xulxin,” qal il-Maġġur Abela.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-introduzzjoni ta’ proċedduri ġodda b’investiment ta’ €200,000 qed tippermeti ajruplani li jinżlu fit-tieni ‘runway’ fil-maltemp. Il-vantaġġi ta’ dan l-investiment, sostna l-Ministru Mizzi setgħu jiġu nnutati fil-maltempata li għamlet fi Frar, meta l-ajruport baqa’ jaħdem.
Il-Ministru Mizzi qal kif fost oħrajn il-pjan tal-Gvern hu li l-ajruport ta’ Malta jkollhu l-istess traffiku ta’ dak ta’ Gatwick.
“B’ċertu investiment bħal taxi ways u teknoloġija f’sensors u affarijiet oħrajn aħna nistgħu nsaħħu l-capacity tagħna bħala pajjiż u nilqgħu aktar ajruplani f’pajjiżna. Dan hu l-futur tagħna. Apparti minn dan bħala Malta International Airport se nkunu qed inkabbru t-terminal tal-MIA u nżidu l-parkeġġ tal-ajruplani u għalhekk se jipparkjaw 7 ajruplani oħra. Għalhekk il-kapaċita tal-ajruplani fis-siegħa tiżdied,” qal il-Ministru.
Mizzi temm jgħid li l-pjan tal-Gvern hu li pajjiżna jsir hub tal-avjazzjoni fil-Meditteran.