Iffirmat ftehim bejn Malta u Singapore | One News

Notifiki

Iffirmat ftehim bejn Malta u Singapore

Fi tmiem forum kummerċjali li għalih attendew mas-sittin rappreżentant Malti minn kumpaniji u entitajiet lokali, Malta u Singapore iffirmaw Memorandum of Understanding għal koperazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġiji ġodda u tas-sigurtà fuq l-internet.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri u l-Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni ta’ Singapore Janil Puthucheary fil-preżenza tal-Ministru għall-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela.

Is-Segretarju Parlamenari Schembri qal li permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ pajjiżi li għandhom ħafna similaritajiet bejniethom, komplew isaħħu r-rabtiet ekonomiċi f’oqsma ekonomiċi ġodda bħal dawk tal-blockchain, distributed ledger technologies u s-sigurtà fuq l-internet.

“Kien hemm interess kbir bejn iz-zewġ pajjiżi u f’terminu qasir ta’ sitt xhur rnexxielna naslu għall-konklużjoni u llum ffirmajna l-ewwel MOU ma’ singapore  fejn se jkunu qegħdin inkopru dawn l-elementi kollha,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Qal li dan il-ftehim se jwassal biex kumpaniji Maltin jingħataw aktar opportunitajiet biex joperaw minn Singapore, waqt li kumpaniji minn dan il-pajjiż jużaw lil Malta bħala bażi biex ikunu jistgħu joperaw fis-suq Ewropew fl-oqsma diġitali bħalma hu dak tal-blockchain,  il-fintech u oqsma oħra bħal esports u gaming.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Carmelo Abela qal li dawn id-delegazzjonijiet jgħinu biex pajjiżna jkompli jkabbar u jiddiversifika l-ekonomija Maltija waqt li jsaħħaħ ir-relazzonijiet ma’ Singapore b’mod tanġibbli mindu bdew fl-1988.

Aħna ghandna double taxation agreement biex jekk inti għandek business ma tigix iċċarġġjat it-taxxa darbtejn iżda teħel darba biss,” qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela qal li b’inizjattivi bħal dawn organizzati minn Trade Malta, il-Gvern jgħin il-kummerċ iseħħ billi jiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend