Fl-aħħar sigħat kompliet toħroġ fil-beraħ il-qasma interna fil-Partit Nazzjonalista bid-deputat Jason Azzzopardi joħroġ jattakka fil-beraħ lill-membri parlamentari Nazzjonalisti Kristy Debono u Herman Schiavone.
Huwa akkużahom li b’għemilhom qegħdin jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista u li qegħdin jaħdmu minn wara dahar il-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Debono u Schiavone huma żewġ deputati magħrufa li ħadmu qatigħ biex Adrian Delia jieħu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Tmexxija li fl-aħħar sena u seba’ xhur kienet ikkaraterizzata minn ġlied intern ma’ jaqta’ xejn bejn il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fi tweet, kmieni l-Ħadd filgħodu Jason Azzopardi attakka lil Debono u lil Schiavone dwar laqgħa li kellhom il-Ġimgħa li għadda ma’ Yorgen Fenech li fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni allegat li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black. It-Times irrapportat li f’din il-laqgħa, iż-żewġ deputati Nazzjonalista talbu lil Fenech biex ma jħallsux għall-kiri ta’ swali tal-konferenzi fil-lukanda tiegħu f’San Ġiljan.
Huwa akkużahom li qegħdin jaħdmu minn wara dahar il-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Il-qiegħa kompliet tisħon bejn iż-żewġ fazzjonijiet wara li Azzopardi xerred l-artiklu tat-Times fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Mauro Miceli, kunsillier Nazzjonalista fi Swieqi qallu li din hija r-raġuni għax mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsill lokali li ġejjin u sostna li Debono u Schiavone għandhom jirriżenjaw issa mill-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, huwa kellu barax ta’ kritika min-nies qrib il-fazzjoni ta’ Delia li akkużawh li qed ikompli jrewwaħ l-inkwiet fil-partit Nazzjonalista b’Azzopardi jwieġeb indirettament li huma Debono u Schiavone li qed jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Intant għad mhux magħruf jekk hemmx deputati oħra Nazzjonalisti li jinsabu urtati bl-aġir ta’ Debono u Schiavone.