Dalgħodu mistennija tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ omm u bint f’Ħal Għaxaq ftit tal jiem ilu. Maria Lourdes ta’ 70 sena u binta Angele ta’ 29 sena nqatlu ġewwa darhom f’Hal Ghaxaq permezz ta’ tiri ta’ arma tan-nar u daqqiet ta’ mazza f’rashom. Sussegwentament huma nġarru f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq.
B’dan l-omiċidju doppju qed jiġi akkużat iben u ħu l-vittmi Joseph Bonnici. Bonnici tressaq il-Qorti l-ġimgħa l-oħra akkużat b’dan l-omiċidju. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Rachel Montebello.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tibda tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud, John Spiteri u Roderick Attard.
one.com.mt hu nfurmat li ż-żewġ armi użati f’dan id-delitt instabu. Il-mazza instabet din il-ġimgħa fl-impjant tal-Wasteserv f’Ħal Far, filwaqt li l-arma tan-nar instabet f’għalqa viċin fejn instabu midfuna l-katavri taħt il-ħamrija.