Il-PM f’taħditiet ma’ May dwar posponiment ieħor għal Brexit – One News

Notifiki

Il-PM f’taħditiet ma’ May dwar posponiment ieħor għal Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu diskussjonijiet mal-Prim Ministru Theresa May dwar il-proċess ta’ Brexit.

Id-diskussjoni li saret permezz ta’ telefonata ffokat fuq it-talba li qiegħed jagħmel ir-Renju Unit għal posponiment ieħor mill-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjoni mistennija tittieħed l-Erbgħa li ġej waqt il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej.

Fi tweet il-Prim Ministru Joseph Msucat qal li ddiskuta Brexit ma’ May biex jifhem aħjar it-talba tar-Renju Unit għal posponiment ieħor. Huwa qal li l-implimentazzjoni ta’ koperazzjoni sinċiera se jkun fattur importanti fid-deċiżjoni li se jieħdu l-mexxejja Ewropej.

Il-Prim Ministru kellu wkoll taħditiet mal-Prim Ministru tal-Irlanda dwar il-perspettiva ta’ Brexit qabel il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej.

Matul il-jum Theresa May kellha wkoll taħditiet bit-telefon mal-President tal-Kunsill tal-UE Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.

Wara li d-deputati Ingliżi rrifjutaw għal darba, tnejn, tlieta l-ftehim ta’ May għall-Brexit, ix-xahar li għadda, il-mexxejja Ewropej qablu li jipposponu Brexit mid-29 ta’ Marzu għat-12 ta’ April. Waqt summit straordinarju li mistenni jsir l-Erbgħa, May se titlob formalment biex Brexit iseħħ fit-30 ta’ Ġunju.

Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jridu jaqblu ma’ din it-talba. Jidher li l-biċċa l-kbira tagħha jinsabu lesti li jilqgħu din it-talba biex jevitaw li r-Renju Unit joħroġ mill-UE bla ftehim bil-konsegwenzi serji li dan jista’ jġib miegħu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend