Ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika li kienet għaddejja b’rabta mas-servizzi tal-kremazzjoni f’pajjiżna.
Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, li ressqet abbozz ta’ liġi privat dwar ir-regolarizzazzjoni u l-legalizzazzjoni ta’ dawn is- servizzi, semmiet uħud mix-xewqat li ġew imresqa mill-pubbliku.
“Ix-xewqa tan-nies li jkun hemm dak l-hekk imsejjaħ reġistru nazzjonali fejn fih in-nies jagħmlu x-xewqa tagħhom b’mod formali. Apparti x-xewqa li jkun hemm reġistru kien hemm ukoll min kiteb dwar l-importanza li ġaladarba issa jkollna l-kremazzjoni f’pajjiżna, nużaw teknoloġiji avvanzati li jħarsu lill-ambjent. Tekonologiji li ma jagħmlux emmissjonijiet bħalma huma per eżempju il-biocremation u allura dak ħa nkunu qed nieħduh inkonsiderazzjoni ukoll,” qalet id-deputat Cutajar.
Oħrajn għarfu l-fatt li pajjiżna huwa żgħir fid-daqs u għalhekk l-art hija limitata għal iktar oqbra.
Hawnhekk issuġġerew li l-prezz ikun ikkontrollat sabiex dan is-servizz ikun iktar aċċessibbli finanzjarjament.
Id-deputat Cutajar qalet ukoll li kien hemm suġġeriment marbuta mal-aspett reliġjuż.
“Xtaq illi l-ashes ta’ xi ħadd li jiġi kremat jinżammu f’post ikkonsagrat u allura issuġġerixxew illi nibnu dawk li jgħidulhom colombariums tagħna sabiex l-urna bl-ashes tal-individwu jinżammu f’post ikkonsagrat flok jieħduh magħhom id-dar,” kompliet tgħid.
Jidher ukoll li hemm interess b’saħħtu f’dan is-servizz, hekk kif terz ta’ dawk li ħadu sehem fi stħarriġ huma favur.
“Jiena nemmen li ġaladarba jkollna s-servizz tal-kremazzjoni aċċessibbli f’pajjiżna, ovjament in-numri ħa jkomplu jiżdiedu u anke l-popolarita ta’ din il-prattika,” hija temmet tgħid.
Il-Parlament mistenni jiddiskuti din il-liġi l-Ħamis li ġej.