Fil-Qorti bidet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Joseph Bonnici li jinsab mixli bil-qtil ta’ ommu Maria Lourdes u oħtu Angela fis-26 ta’ Marzu li għadda.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, l-Ispettur Arnaud qal li mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-imputat kienu ilu jippjana l-omiċidju għal ġimgħat sħaħ. Fost oħrajn huwa kien diġà ħaffer il-ħofra fiha difen lil ommu u lil oħtu fiha qabel qatilhom. Qal ukoll li Bonnici bena l-arma huwa stess b’tali mod li ma tagħmilx ħoss. Arnaud ikkonferma kif kien l-imputat li rrapportahom nieqsa ftit jiem qabel instabu mejta f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq.
Xehed li dakinhar tad-delitt, l-akkużat qata’ s-salvavita tad-dar u firex xi xkejjer fil-ġardina. Dan wassal biex oħtu niżlet tara x’ġara u sabet lil ħuha ma’ wiċċha. Kien hawn li spara żewġ tiri f’ras oħtu. Hawn mar għal ommu u hekk kif xirfet fil-ġardina ta tir f’rasha.
Sabiex ikun ċert li qatilhom, tahom daqqiet ta’ mazza f’rashom. Hawn tefa’ l-katavri f’garbage bag fil-bagoll tal-karozza u daħal jorqod sakemm waslet it-tfajla tiegħu. Malli t-tfajla daħlet id-dar, irħielha lejn l-inħawi ta’ Trejqet Santu Kristu fil-Gudja u difen il-katavri tagħhom fuq xulxin u għattihom bi ftit ġebel.
Arnaud qal li l-għada l-imputat ħasel il-ġardina b‘powerwash’ u ħaraq l-ixkejjer biex jeqred l-evidenza. Qal li l-arma tan-nar instabet qrib il-post fejn difinihom, waqt li mazza nstabet fl-impjant tal-wasteserv.
L-ispettur Arnaud żied li fuq il-katavru ta’ Maria Lourdes instabu aktar minn erbat elef ewro.
Fil-Qorti ntqal li Bonnici qal lill-pulizija li għamel dan l-att għax fost oħrajn kien mhedded minn oħtu li se tagħmel rapport li prova jabbużaha sesswalment. Qalilhom li ma riedx jispiċċa l-ħabs u ommu kienet iżżomm ma’ oħtu.
L-Ispettur John Spiteri xehed li l-imputat mar jirrapporta l-għajbien ta’ ommu u oħthu fl-Għassa taż-Żejtun. Xehed li rċieva telefonata mingħand Paul Bonnici, missier l-imputat li jinsab il-ħabs jiskonta sentenza dwar omiċidju doppju ieħor ta’ ġirien tiegħu, u qallu x’seta wassal għal għajbien tagħhom.
Qallu li ftit qabel inqatgħet kawża kontrihom u kellhom iħallsu €80,000 lill-qraba tal-persuni li qatel. Bonnici qallu wkoll li ż-żewġ uliedu ma kellhomx relazzjoni tajba flimkien.
Spiteri xehed ukoll li l-aħħar filmati fuq il-kameras tas-sigurtà ttieħdu dakinhar tal-qtil fid-9:20 ta’ filgħaxija.
Xehed li l-vittmi kienu jidhru lebsin il-piġama u xejn ma kien jidher suspettuz.
Is-suspett li l-akkużat seta’ kien il-moħħ wara l-qtil seħħ meta l-Ġimgħa 29 ta’ Marzu waqt li Bonnici kien mat-tfajla fil-karozza quddiem l-Għassa, it-tfajla tiegħu Amanda Camilleri nfaqgħet tibki. Kien hawn li l-Ispettur Spiteri resaq lejn il-karozza u arresta l-imputat li min-naħa tiegħu qallu li se jieħdu fejn jinsabu l-kattavri. Lil Pulizija qalilhom kif dakinhar tas-26 ta’ Marzu sellem lil ommu.
L-Ispettur Spiteri qal li Bonnici stqarr mal-Pulizija li l-eks tfajla tiegħu kienet għamlet suwiċidju fir-residenza tiegħu minħabba ommu. Dan għax ommu qatt ma ridietu magħha. Huwa għadda lill-Pulizija kopji tan-noti li ħalliet l-eks-tfajla tiegħu qabel is-suwiċidju.
Is-seduta kienet karatterizzata wkoll mix-xhieda ta’ Amanda Camilleri, it-tfajla tal-imputtat. Qalet li t-tieni darba li marret l-Għassa nfaqgħet tibki u l-imputat beda jgħidilha ‘Skużani’ filwaqt li qabadha dak li ddeskriviet bħala ‘total breakdown’. Qalet li kemm damu rrappurtati nieqsa l-vittmi, l-imputat ma waqafx idur u jagħqad.
Ħin minnhom l-imputat nfaqa’ jibki meta Amanda bdiet tiddeskrivih b’aġġettivi pożittivi. Qalet li kienet mgħarfa dwar l-allegat abbuż fuq oħtu u li affaċċjatu bih. Qalet li kienet taf ukoll bis-suwiċidju tal-eks-tfajla u ommu kienet qaltilha li ma kienetx tixraqlu. Dan għax fost oħrajn ma kienetx taħdem.
Qalet ukoll kif darba minnhom semgħet l-omm tgħid lil binha li ta’ maġenbhom qed jaqbżulhom fuq il-bejt.
Fis-seduta tat-Tnejn xehdu wkoll l-Uffiċjali mit-Taqsima tal-Forensika, l-Għassa taż-Żejtun, u l-iskwadri ta’ kontra l-vizzji u l-omiċidji.