Stħarriġ tal-opinjoni pubblika mill-gazzetti The Sunday Times of Malta u l-MaltaToday juru kif il-Partit Laburista għandu fiduċja ferm iktar mill-Partit Nazzjonalista.
L-istħarriġ tat-Times of Malta jindika li filwaqt li l-Partit Laburista għandu l-fiduċja ta’ disgħa u ħamsin fil-mija ta’ dawk li wieġbu li se jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja, il-Partit Nazzjonalista għandu l-fiduċja ta’ sebgħa u tletin fil-mija tal-poplu.
Dak li t-Times issejjaħlu bħala l-inqas appoġġ għall-Partit Nazzjnalista sa minn wara l-Indipendenza.
Filwaqt li t-Times issostni li bejn il-Partiti hemm qabża ta’ 22 fil-mija, minn naħa tagħha, l-gazzetta MaltaToday ssostni li inqas minn ħamsin jum qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, din id-differenza hi ta’ sbatax fil-mija.
Skont dan l-istħarriġ, il-Partit Laburista jgawdi l-ogħla fiduċja fost l-etajiet kollha fis-soċjetà, u fir-reġjuni kollha – bl-ikbar fiduċja tkun fost in-nisa u l-anzjani.
Id-differenza bejn il-mexxejja taż-żewġ Partiti ewlenin tibqa’ evidenti.
Bil-Prim Ministru Joseph Muscat jikseb appoġġ ikbar minn Delia fl-etajiet kollha, u fir-reġjuni kollha.
Fil-fatt skont il-Maltatoday il-Prim Ministru għandu l-fiduċja ta’ kważi ħamsin fil-mija, filwaqt li Delia kellu inqas minn tnejn u għoxrin fil-mija.
L-appoġġ għal Delia kien iktar baxx minn dak miksub mill-Partit tiegħu – xhieda li l-kap Nazzjonalista huwa iktar ta’ piż għall-partit tiegħu.
Fil-fatt skont l-istħarriġ tal-maltatoday, Joseph Muscat baqa’ jżomm l-appoġġ ta’ 90% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elfejn u sbatax, filwaqt li Delia żamm biss ftit inqas minn tnejn u ħamsin fil-mija ta’ dawk li vvutaw lill-partit Nazzjonalista – b’parti sostanzjali jgħidu li tilfu l-fiduċja.