Tlett żgħazagħ tressqu l-Qorti akkużati li serqu basket mingħand anzjana u użaw il-vjolenza fuqha.
Żgħażugħ ta’ dsatax -il sena mwieled ir-Romania, żagħżugħa ta’ dsatax-il sena minn Birkirkara u żgħażugħ ieħor ta’ sittax-il sena mill-Iklin, li isimhom ma jistax jisemma minħabba divjet mill-Qorti, tressqu l-qorti akkużati b’serq aggravat u li użaw il-vjolenza fuq Angela Muscat ta’ 64 sena.
Il-każ gara fl-ewwel ta’ April għall-ħabta ta’ kwarta, fi sqaq li jinsab kantuniera ma’ Triq ta’ Angela f’Birkirkara.
Meta wieħed miż-żgħażagħ ġibed il-basket lill-anzjana, l-anzjana bdiet tgħajjat u raġel li kien qiegħed jaħdem f’garaxx, ħareġ u ra wieħed miż-żgħażagħ jiġri bil-basket, tah gambetta u ħadlu l-basket. Filwaqt li ta l-basket lill-anzjana, iż-żgħażagħ ħarbu minn fuq il-post.
Intant, il-pulizija rnexxielha tidentifika liż-żgħażagħ minn cameras tas-sigurta li hemm imwaħlin fit-triq.
Fil-qorti ntqal kif iż-żgħażugħ kiser ukoll ordni ta’ probation li kien hemm fil-konfront tieghu.
Quddiem Il-Maġistrat Rachel Montebello, it-tfajla u żgħażugħ mill-Iklin ammettew l-akkużi. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest u se jsir pre-sentencing report fil-konfront tagħhom.
Il-Maġistrat ordnat li żgħażugħ mir-Rumanija li ser ittih il-ħelsien mill-arrest biss jekk imur jgħix mal-ġenituri tiegħu. Huwa wieġeb mhux ħati u qal li lest li jmur jgħix mal-ġenituri tiegħu.
L-imputat iddikjara li huwa ser jidħol għall-programm mhux residenzjali ta’ rijabilitazzjoni sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga. Huwa ingħata l-ħelsien fuq il-kundizzjoni li jiffirma l-għassa tlett darbiet fil-ġimgha u joħroġ mid-dar bejn it-tmienja ta’ filghodu u sitta ta’ filgħaxija. Filwaqt li ma jistax ikellem lil sħabu u lill-vittma fil-kaz.