Iktar min 11,000 tunellata ta’ materjal organiku – One News

Notifiki

Iktar min 11,000 tunellata ta’ materjal organiku

Mill-aħħar ta’ Ottubru ‘l hawn, nġarbru ’l fuq min ħdax-il elf tunnellata ta’ materjal organiku.

Dan fl-istess waqt li kien hemm tnaqqis fil-volum ta’ skart miġbur tal-borża s-sewda. L-istatistika miġbura mill-WasteServ tindika wkoll żieda fil-ġbir tal-materjal riċiklabbli.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li d-deċiżjonijiet li ħa dan il-gvern biex idaħħal il-ġbir tal-iskart organiku fuq skala nazzjonali kienet deċiżjoni għaqlija u qed tilħaq l-għanijiet tagħha.

F’rapport bit-titlu, ‘The EU Environmental Implementation Review 2019’ l-kummissjoni ewropea kkonfermat li l-gvern qed jieħu l-miżuri neċessarji u konkreti biex itejjeb il-qagħda ambjentali f’pajjiżna.

Dan fl-istess waqt li l-Gvern għaddej bil-proċess ukoll biex ikollna pjan ġdid dwar l-immaniġġjar tal-iskart wara l-2020.

L-impenn tal-gvern hu li sal-elfejn tlieta u għoxrin pajjiżna jkollu infrastruttura ta’ Waste to Energy fejn mill-iskart jiġi ġġenerat l-enerġija. Din il-faċilità se titratta 40% tal-iskart iġġenerat.

Aktar minhekk, matul din is-sena pajjiżna se jintroduċi skema ta’ rifużjoni għall-ġbir tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik, metall u ħġieġ.

Dan jawgura tajjeb ukoll hekk kif ir-rapport jikkwota li disgħin fil-mija tal-poplu Malti hu mħasseb dwar l-impatt tal-plastik fl-ibħra u għaldaqstant din il-figura għandha turi kif il-poplu Malti lest li jikkollabora u jipparteċipa bis-sħiħ f’din l-iskema.

Bil-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar diġa li l-gvern se joħroġ għal konsultazzjoni pubblika strateġija dwar is-single use plastic fejn b’mod effettiv ikun qed iħeġġeġ lin-nies biex inaqqsu l-użu ta’ dan it-tip ta’ materjal kif ukoll jintużaw prodotti alternattivi.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea  iħares ukoll lejn l-aspetti tal-kwalità tal-arja u r-riforma fit-trasport pubbliku u l-inizjattivi varji li ħa dan il-gvern favur mezzi alternattivi tat-trasport aktar nodfa.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li 34 sit li jkopru 13% tal-art hi ddikjarata Natura 2000 u dawn is-siti għandhom pjani ta’ immaniġġjar ambjentali. Il-Kummissjoni Ewropea qed tilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li f’Ġunju tal-2018 ġew iddikjarati 35% taż-żoni marittimi bħala protetti.

Fi stqarrija mill-ministeru għall-ambjent intqal kif il-gvern se jkompli jkun kommess li jpoġġi l-ambjent bħala prijorità nazzjonali u se jistudja fid-dettall il-punti mqajma u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rapport biex ikompli jipproteġi mhux biss il-kapital naturali ta’ pajjiżna iżda l-kwalità ta’ ħajja tagħna lkoll.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend