Studju aġġornat tal-kumpanija tal-awditjar KPMG juri li t-tkabbir fl-industrija tal-kostruzzjoni qed jimxi pass pass mat-tkabbir fl-ekonomija.
Iktar minn hekk, irriżulta li minkejja li fl-elfejn u sbatax is-suq tal-propjetà kiber b’rata ta’ madwar 9%, dan is-settur ma kienx dak bl-ikbar tkabbir fl-ekonomija Maltija.
F’konferenza tal-ahbarijiet f’Kastilja, li matulha l-Prim Ministru Joseph Muscat gie pprezentat b’dan l-istudju li ttratta wkoll is-suq tal-proprjeta f’Malta, ġie nnutat li dan qed jikber b’mod naturali u m’hemm ebda sinjal ta’ bużżieqa artifiċjali.
Il-Prim Ministru qal li “Kuntrarju għal dak li jippruvaw jgħidu xi wħud, ma teżisti ebda bubble fis-suq tal-propjetà. Iġifieri mhux qedin ibbażati f’suq tal-propjetà li hu bbażat b’xi mod jew ieħor solament fuq spekulazzjoni, fuq artifiċjalità, fuq ix-xejn.”
Fil-fatt – David Pace mill-KPMG innota li minkejja t-tkabbir fis-suq tal-kostruzzjoni u l-propjetà, dan kellu kontribut inqas mis-sena ta’ qabel fl-ekonomija Maltija.
Pace qal li “Interessanti, wieħed jinnota li s-settur kiber imma l-perċentwal li jikkontribwixxi lejn is-suq kollu naqas ftit u qiegħed 13.5% meta mqabbel ma’ 14% li kien irreġistrat fit-2016, li jfisser li l-bqija tal-ekonomija kibret ukoll b’pass iktar mgħaġġel.”
Dan il-fatt, li jfisser li m’hemmx bużżieqa fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-propjetà, intlaqa’ tajjeb mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Sandro Chetcuti, għax ifisser iktar stabbiltà f’pajjiżna.
Chetcuti qal “U dan nilqgħu pożittivament jiena, għax l-investituri jkunu iktar sereni jinvestu fil-propjetà f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru sostna li dan l-istudju jkompli juri kif il-mod ta’ kif nimxu ’l quddiem hi t-triq tat-tkabbir. Tkabbir li hu bbażat fost l-oħrajn fuq id-diversifikazzjoni f’għadd ta’ setturi.
Il-Prim Ministru qal li “L-idea li b’xi mod nistgħu nagħfsu l-brake u ngħidu aħna sodisfatti b’li għandna, ejja nislowjaw ha ngawdu li għandna, hi fallacy, teżisti biss fil-kotba tal-ħrejjef.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat innota kif l-ekonomija hija katina li tiġbed ħaġa ma’ oħra, bit-tajjeb u bil-ħażin; u nnota kif l-istudju juri li l-prezzijiet għolew b’mod sostanzjali, u naqset l-affordabilità.
Għaldaqstant tenna kif xogħol il-Gvern hu li jaħdem ma’ dawk kollha involuti biex jiġi mmassimizzat it-tajjeb, u jiġi mmitigat il-ħażin.
Il-Prim Ministru qal li “Qedin fil-fażijiet finali li wara konsultazzjoni pubblika jkollna policy dwar ir-renta, tal-kirjiet, li naraw li ma nindaħlux fis-suq kemm jista’ jkun, nagħtu l-inċentivi biex ikun iżjed sostenibbiltà fil-qasam tar-rent ukoll.”
Tenna li dan it-tkabbir iġib miegħu il-bżonn ta’ kwalità ogħla fil-binjiet tagħna, u ħidma ikbar mill-Gvern fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Ħidma fl-infrastruttura li llum ħadet xejra differenti mill-passat – fejn daħlet kultura fejn in-nies temmen li l-bidliet infrastrutturali mill-Gvern, jistgħu, u qed jitwettqu.