B’investiment ta’ madwar 20 miljun ewro il-kumpanija Toly li timmanifattura ppakkeġġjar ta’ prodotti kosmetiċi bniet u qed tirriloka f’ċentru ġdid u innovattiv fil-qasam industrijali ta’ Bulebel.
Fuq medda ta’ art ta’ 5,400 metru kwadru, permezz ta’ binja fuq 5 sulari l-impjant għandu kobor ta’ madwar 20,000 metru kwadru.
Dan l-impjant modern għandu ghadd ta’ facilitajiet favur l-ambjent, fosthom 2 gibjuni li jesghu madwar 3 miljun litru ta’ ilma, u li jintuża fost oħrajn biex jitkessħu l-magni; insulazzjoni; parkeġġ taħt l-art; dwal LED u iżjed.
Fi żjara mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona f’dan l-impjant il-gdid, li se jitlesta u jinfetah f’Ġunju, il-Kap Eżekuttiv ta’ Toly Group, Andy Gatesy, spjega kif f’erba’ snin biss il-kumpanija rduppjat il-bejgħ tagħha minn ħamsin miljun, għal mitt miljun ewro.
Qal li dan l-investiment tagħhom f’Malta jkompli mal-ftuħ erba’ snin ilu ta’ ċentru ta’ innovazzjoni ġdid. U issa jistgħu saħansitra jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom.
Permezz ta’ binja iktar għolja, dan it-tkabbir seta’ jsir b’uzu inqas ta’ art, tant li art li għandha l-kumpanija bħalissa se tingħata lura lill-Gvern.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona spjega li din il-viżjoni ta’ impjanti tal-manifattura moderni hija fil-vizjoni tal-Gvern.
Cardona qal “Għandna fabbriki bħall-Actavis, Food Factory, u din – it-Toly – killum. Li huma riflessjoni ta’ fabbriki moderni, li jistghu jaghtu servizz eċċellenti għad-demand internazzjonali li hemm, u iva l-Gvern irid jimxi f’din il-linja.”