Aktar minn tlett mitt-tifel u tifla f’Malta qed jiġu protetti permezz ta’ Ordni ta’ Ħarsien – magħrufa aħjar bħala Care Order. Minn dan in-numru hemm ftit iktar minn mitejn u disgħin li huma taħt ordni ta’ ħarsien mill-aġenzija appoġġ fejn dawn qegħdin jgħixu fi djar residenzjali kew ma’ foster carers jew inkella qed jirresjedu mal-qraba tagħhom.
Sadanittant, hemm ftit anqas minn erbgħin tifel u tifla li qegħdin ifittxu l-ażil, li huma protetti taħt ordni ta’ ħarsien mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li Qed Ifittxu l-AŻIL magħrufa aħjar bħala AWAS. Dawn il-minuri qed jingħataw il-kura u ħarsien ġewwa Dar il-Liedna.
One.com.mt tkellem mal-Konsulent tal-Gvern Dr. Andy Ellul fejn spjega kif il-liġi qed tagħti aktar protezzjoni lill-minorenni fejn fost l-oħrajn issaħħaħ il-prinċipju tal-qarib – jiġifieri li t-tfal li jkunu taħt ordni ta’ ħarsien l-ewwel ma jipprova jsir huwa li jmorru jgħixu mal-qraba tagħhom minflok ma jitpoġġew fi djar residenzjali.