L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jinawgura disa' rotot ġodda | One News

Notifiki

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinawgura disa’ rotot ġodda

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ikompli b’rabtiet sodi ma’ pajjiżi Ewropej u anke lil hinn biex b’hekk isaħħaħ is-settur tal-avjazzjoni f’Pajjiżna. F’din l-ewwel ġimgħa ta’ April biss, l-ajruport, laqa’ l-ewwel titjiriet ta’ Ryanair minn disa’ destinazzjonijiet ġodda, b’erbgħa minn dawn id-destinazzjonijiet imorru fl-erbgħa ajruporti f’żewġ pajjiżi l-aktar popolari fost il-Maltin. Intant, Ryanair se jkun qed jintroduċi ukoll rotta diretta għall-Maastricht fl-Olanda.

Il-Maltin se jkollhom opportunitajiet b’titjiriet diretti lejn destinazzjonijiet popolari b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf. Din tinkludi Thessaloniki fil-Greċja u Cork fl-Irlanda. Għal dawk li jfittxu destinazzjonijiet li joffru avventura, se jkunu jistgħu jivjaġġaw ukoll minn Malta għal Oslo, in-Norveġja kif ukoll il-Jordan.

Dawn id-disa’ rotot se jibdew joperaw bejn April u Ottubru darbtejn fil-ġimgħa, filwaqt li titjijra lejn in-Norveġja se tibda tkun kull nhar ta’ Erbgħa waqt il-perjodu tas-sajf.

Il-linja tal-ajru Ryanair mhix l-unika linja li se tespandi l-operat tagħha f’Malta. Nhar il-Ħadd li għadda l-linja tal-ajru WizzAir, varat ir-rotta lejn l-Ungerija, filwaqt li tliet rotot addizzjonali mill-kumpaniji Volotea u Qatar Airways huma skedati li jiġu varati fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju.

L-iskeda tat-titjiriet robusti li qed joffri l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija mistennija li tkun strumentali, biex għal din is-sena, l-ajruport Malti jikseb l-għanijiet tiegħu dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend