Stedina biex tiekol ma' de Soldanis | One News

Notifiki

Stedina biex tiekol ma’ de Soldanis

Kont taċċetta stedina biex tiekol mal-intellettwali l-Kanonku Giovanni Pietro Francesco Agius de Soldanis? Minbarra li kien magħruf bħala lingwista, storiku u kjeriku Għawdxi, de Soldanis kien imsemmi wkoll għall-ospitalità distinta tiegħu u għall-ikliet raffinati li kien jippreżenta lil ħbiebu meta kienu jżuruh fir-residenza tiegħu fiċ-Ċittadella. Nhar is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 t’April, Heritage Malta se tkun qed toħloq mill-ġdid din l-esperjenza tat-18 il-seklu billi testendi invit lill-pubbliku ħalli jduq din l-ikla tipika storika.

Wieħed minn dawk li kien igawdi ikliet bħal dawn fiċ-Ċittadella kien Ignazio Saverio Mifsud, konsulent tal-Inkwiżizzjoni ta’ Malta li kien jifforma parti mill-litterati Maltin u li kien ukoll ħabib ta’ de Soldanis. Bħalu, ġie mistieden il-pittur Franċiż, il-Kavallier Antoine de Favray, waqt iż-żjarat tiegħu f’Għawdex. Okkażjonijiet bħal dawn kienu joffru l-opportunità lil de Soldanis biex jiltaqa’ u jiddiskuti ma’ ħbiebu u sħabu intellettwali.

Fix-xogħol tiegħu ‘Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin’, de Soldanis jitfa’ dawl fuq il-ħajja f’Malta fit-18 il-seklu. Fost l-informazzjoni interessanti li joffri, huwa jinkludi tant dettalji dwar l-ikel, li kien possibbli li terġa’ tinħoloq waħda mill-ikliet li probbabilment hu kien iservi f’daru.

Dan l-avveniment ta’ Heritage Malta se jiftaħ permezz ta’ xarba u diskussjoni qasira ġewwa s-sit Gran Castello Historic House li tinsab iċ-Ċittadella. Wara, il-parteċipanti se jkunu akkumpanjati għal dawra madwar din il-belt storika, u eventwalment issegwi l-ikla fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella.

Il-menu storiku se jiġi introdott bi ġbejna u biskuttin li bħalu kien jitqassam fuq ix-xwieni, flimkien ma’ kisriet ta’ ħobż bix-xgħir imħawwra bis-sardina, tadam imqatta’ u vinaigrette. Qaqoċċ imsajjar fiż-żejt taż-żebbuġa u t-tewm se jiġi servut flimkien mal-bigilla u qassata bil-ħaxix tal-istaġun. Il-platt prinċipali se jkun jikkonsisti mill-fdewxa, li huwa speċi ta’ tagliatelle, hekk kif deskritt minn de Soldanis bħala għaġin ċatt u wiesgħa msajjar ma’ ħwawar, legumi u ġieli b’daqsxejn ħalib ħalli tgħaqad iz-zalza. Bħala deżerta se jiġu offruti agiazzata di limone – sorbet tal-lumi skont riċetta tat-18 il-seklu, kafè bl-ilma zahar, u Pan di Spagna.

Qed jiġu organizzati żewġ ikliet: is-Sibt, 13 t’April fis-7.30pm, u l-Ħadd, 14 t’April fin-12.30pm.

Prezz: €60 kull persuna. Il-membri ta’ Heritage Malta se jirċievu kopja b’xejn tal-ktieb ‘De Soldanis – an eighteenth century intellectual’. Dan il-ktieb se jkun ukoll għall-bejgħ waqt din l-attività.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta jew online fuq https://shop.heritagemalta.org/

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend