Ser jitħawlu 1,200 siġra f’Wied il-Għasel – One News

Notifiki

Ser jitħawlu 1,200 siġra f’Wied il-Għasel

Investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro Fondi Ewropej se jissarraf f’iżjed ammont ta’ ilma xita li jinżel fil-pjan.

Il-proġett, bl-isem ta’ Rainwater Integrated Infrastructure Network, se jara l-immaniġġjar aħjar tal-ilma tax-xita f’żewġ fażijiet.

L-ewwel parti tal-proġett – kif jispjega l-Uffiċjal Xjentifiku ta’ Ambjent Malta Alexander Borg Galea – tinvolvi studju tal-ilqugħ tal-ilma eżistenti fil-widien ewlenin ta’ Malta u Għawdex.

“Dawn l-istudji prinċiparjament se jkunu fuq l-infrastruttura jiġifieri l-kundizzjoni tal-ilqugħ tal-ilma. Se naraw studji bħall-ġeoloġija għax hemm hemm uħud li huma aħjar minn oħrajn biex l-ilma jinfiltra fil-pjan. Se naraw ukoll mill-aspett ambjentali fejn jekk aħna ħa nirrestawraw jekk jagħmilx ħsara ambjentali biex jekk ikun il-każ ma nagħmluhx. Naraw kemm ħa jiġi jiswina finanzjarjament.”

It-tieni parti tal-proġett tinkludi l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota f’Wied il-Għasel – li se jiġi rrestawrat u se jara l-bini ta’ sitt iqlugħ tal-ilma ġodda biex tiżdied il-kapaċità u jinġabar iżjed ilma fil-pjan. Dan fl-istess waqt li se jitħawlu mal-1,200 siġra indiġena u arbuxelli.

L-implimentazzjoni tal-proġett se jieħu ħsiebha d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport.

“Se jiġi rrestawrat ilqugħ eżistenti li kien inbena fi żmien l-Ingliżi u se jsir il-bini ta’ sitt ilqugħ oħra li ħa jwassal biex il-kapaċita ta’ dan il-wied ħa tkun ta’ 45,000 metru kubu.”

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera tenna l-impenn tal-Gvern li jagħti lill-widien l-importanzi li tixirqilhom. Iddeskrivihom bħala l-vini tal-pajjiż, u qal li l-proġett pilota f’Wied il-Għasel hu maħsub li jsir fil-widien kollha f’pajjiżna.

“Il-Gvern għandu xi 70 bir tiegħu. Għandu wkoll xi 60-70 dam biex nuża l-kelma Ingliża. Ħa nistudjawhom, ħa naraw jekk hux qed iservu l-iskop tagħhom kif suppost. Fejn hemm il-ħsara, insewwuha. L-idea hi biex l-ilma nilqgħuh aħjar.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia nnota li l-Gvern qed jinvesti aktar minn mitt miljun ewro fondi Ewropej gżall-ilma biex tiġi indirizzata s-sigurtà tal-provvista, il-kwalità tal-ilma u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend