Bejn l-24 u l-25 ta’ April pajjiżna se jilqa’ forum bħala parti mis-Summit taż-Żewgt Ixtut – Summit of Two Shores.
Dan is-summit, li twieled ma’ tmiem il-laqgħa tal-5+5 li ttellgħet f’pajjiżna iktar kmieni din is-sena, ikompli jibni fuq il-kollaborazzjoni bejn pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Afrika; biex jiġu kkunsidrati proposti ta’ proġetti konkreti – f’għadd ta’ oqsma – imressqa ’l quddiem minn rappreżentanti mis-soċjetà ċivili.
Il-forum f’pajjiżna, li hu wieħed minn ħamsa, għandu bħala tema ż-Żgħażagħ, il-Mobilità u l-Edukazzjoni.
Għal dawn il-ħames fora, pajjiżna għażel għaxar rappreżentanti mis-soċjeta ċivili; raġel u mara għal kull forum.
Fl-aħħar nett, ir-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili se jressqu l-ideat konkreti tagħhom fis-Summit taż-Żewġt Ixtut f’Marsilja, fi Franza, f’Ġunju.