L-MPE Marlene Mizzi: Il-baġit għandu jservi biex l-Erasmus+ ikun aċċessibbli għal kulħadd – One News

Notifiki

L-MPE Marlene Mizzi: Il-baġit għandu jservi biex l-Erasmus+ ikun aċċessibbli għal kulħadd

Id-Deputat Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi saħqet fuq il-bżonn li l-program Erasmus għandu jkun aktar inklussiv u miftuħ biex aktar żgħazagħ ikunu jistgħu jesperjenzaw skambji ta’ tagħlim fl-Ewropa. Hija qalet dan matul id-dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew “Erasmus: Il-Programm tal-Unjoni għal Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ u Sport”.

“L-Erasmus huwa wieħed mill-iktar proġetti ta’ suċċess tal-Unjoni Ewropea, proġett li għen miljuni ta’ żgħażagħ biex jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ tagħlim u mobilità. Fis-seba’ snin li ġejjin nistgħu nistennew li l-Erasmus se jkompli jikber u jespandi. Imma biex dan iseħħ għandna bżonn baġit li huwa aktar inklussiv u li jipprovdi fondi suffiċjenti,” qalet l-MPE Mizzi.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Parlament Ewropew ivvota għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm Erasmus+. Waqt is-sessjoni tal-plenarja, l-MPE Mizzi argumentat li biex l-Erasmus+ il-ġdid ikun aktar inklussiv u aċċesibbli bis-sħiħ għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, il-baġit għandu jkun it-triplu ta’ dak li qiegħed jiġi propost.

“Il-proposta tal-baġit li hemm fuq il-mejda bħalissa mhix biżżejjed għal dawk in-nies li huma vulnerabbli u li m’għandhomx aċċess għal dan il-programm importanti. Ma nistgħux inħallu li dan iseħħ. Nemmen li jekk nittriplikaw il-fondi għall-Erasmus+ 2021-2027 u naddattaw l-għotjiet skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-parteċipanti, l-Ewropa tkun tista’ tgħin aktar żgħażagħ biex jipparteċipaw fi skemi tal-mobilità għat-tagħlim madwar l-Ewropa,” qalet Marlene Mizzi.

L-għan ewlieni tal-Parlament Ewropew huwa li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-Program Eramus+ tagħti lok għal aktar żgħażagħ biex jipparteċipaw fi skemi tal-mobilità għat-tagħlim. Għaldaqstant tipproponi sett dettaljat ta’ miżuri biex jingħelbu l-ostakli ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha.

“Il-programm għandu jiffoka fuq l-inklussività u b’mod partikolari  jipprovdi aċċess aħjar għal persuni b’inqas opportunitajiet u dawk bi bżonnijiet speċjali. Kulħadd għandu jkollu l-istess prospetti imma s’issa l-program Erasmus ma kienx disponibbli għal kulħadd,” qalet l-MPE Mizzi.

Marlene Mizzi kkonkludiet id-diskors tagħha billi qalet li l-Ewropa teħtieġ aċċess għall-Erasmus non-diskriminatorju u mingħajr ostakli, miftuħ għal kulħadd fis-soċjetà. “Meta ninvestu f’persuni żgħażagħ permezz tal-programm Erasmus billi nipprovdulhom prospetti aħjar u orizzonti ġodda, inkunu qegħdin ninvestu fl-Ewropa u fil-proġett Ewropew.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend