Kunċerti fi żmien ir-Randan mill-Kor tal-Katidral Metropolitan – One News

Notifiki

Kunċerti fi żmien ir-Randan mill-Kor tal-Katidral Metropolitan

Il-Kor Jubilate Deo, li huwa l-kor tal-Katidral Metropolitan, ser ikun qiegħed jagħti żewġ kunċerti għal żmien il-passjoni bl-isem ‘Miserere’.

Il-kunċerti, taħt id-direzzjoni tal-Maestro di Cappella Christopher Muscat, ser ikunu qed jittellgħu fiż-żewġ residenzi
tal-kor nhar il-Ġimgħa 5 ta’ April fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, kif ukoll it-Tnejn 15 ta’ April fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar.

Fil-kunċerti ser tindaqq mużika mifruxa fuq aktar minn seba’ sekli, mill-kant sabiħ Gregorjan u polifonija Rinaxximentali għal xogħlijiet ta’ kompożituri kontemporanji.

Waqt dawn is-serati ser ikunu qed jinqraw riflessjonijiet qosra bil-Malti sabiex idaħħluna aktar fl-ispirtu ta’ dan il-misteru kbir li qed ikun iċċelebrat. Iżda x-xogħol prinċipali ta’ dawn is-serati ser ikun il-Miserere tal-kompożitur Taljan Gregorio Allegri, xogħol ta’ sbuħija u spiritwalità indeskrivibbli miktub fi żmien il-Papa Urban VIII u li kien
intiż biss għall-użu tal-Cappella Sistina. Iżda skont it-tradizzjoni, għaċ-ċkejken Mozart kien biżżejjed li jisma’ dan ix-xogħol darba biex mar lura d-dar u kitbu mill-memorja.

Matul l-istorja tiegħu ta’ 45 sena, il-Kor Jubilate Deo stabblixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa korijiet Maltin fil-qasam tal-mużika sagra. Fost l-akbar suċċessi tal-kor wieħed ifakkar l-ewwel eżekuzzjoni f’Malta tal-Oratorio di Natale ta’ Camille Saint-Saens fl-2005, l-ewwel eżekuzzjoni fi żminijiet moderni tal-Messa di Requiem ta’ Paolino Vassallo kif ukoll l-opra Il-Wegħda ta’ Charles Camilleri fl-2006.

Fi Frar tal-2017 il-kor ta l-ewwel eżekuzzjoni ta’ żewġ xogħlijiet ġodda: il-Cantata L-X ta’ Frar 1928 ta’ Christoper Muscat u l-Oratorio Fino ai Confidni della Terra tal-kompożitur ta’ fama mondjali Mons. Marco Frisina, li ġie Malta sabiex jidderieġi hu stess dawn iż-żewġ xogħlijiet.

Il-Kor Jubilate Deo qed jagħmel ħafna xogħol sabiex jerġa’ jitqajjem l-interess fil-kant Gregorjan filwaqt li jibqa’ magħruf ukoll għall-interpretazzjonijiet raffinati tar-repertorju polifoniku.

Id-dħul għaż-żewġ kunċerti, li jibdew fis-7:30 p.m., huwa b’xejn. Dawk li jattendu huma ġentilment mitlubin jinnutaw li l-użu ta’ tkaken irqaq jew stiletto kif ukoll ritratti bil-flash fil-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa pprojbit.

Ta’ QabelLi Jmiss