Fi stqarrija mid-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan id-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) spjega li l-istess regoli ta’ sigurtà li japplikaw għall-cot tradizzjonali japplikaw għat-travel cot, jiġifieri, il-cot irid ikollu saqqu sod u ċatt mgħotti b’materjal li ma jgħaddix ilma minnu.
Il-cots huma ddisinjati biex jintużaw mas-saqqu oriġinali peress li dan jgħin l-istabbiltà tal-cot u għalhekk m’għandux jinbidel. Ħafna drabi, is-saqqijiet fit-travel cot huma rqaq u aktar iebsa minn dawk fil-cot normali. Is-saqqu li jiġi mat-travel cot huwa l-komponent ewlieni biex jgħin jinżamm stabbli u, għalhekk, l-użu ta’ saqqu differenti jista’ jibdel il-bilanċ tat-travel cot u jagħmilha aktar faċli li jinqaleb.
Ir-riċerka wriet li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bdil tas-saqqu tat-travel cot iwassal biex tiqsar id-distanza bejn is-saqqijiet u l-parti ta’ fuq tal-cot. Id-distanza bejn il-wiċċ tas-saqqu u l-cot għandha tkun mill-inqas 50ċm, inkella ikun aktar faċli għat-tfal żgħar li joħorġu minnu.
Barra minn hekk, iż-żieda ta’ saqqu ieħor jew il-bdil tas-saqqu, iżidu wkoll iċ-ċans li t-tarbija tinqabad bejn is-saqqijiet u l-ġnub tal-cot u dawn joħolqu riskju ta’ saffokazzjoni.
Iż-żippijiet tal-cot m’għandhomx jinqalgħu faċilment u meta jkun possibbli għandhom jiġu evitati kompletament peress li dawn jistgħu joħolqu periklu ta’ fgar. Preferibbilment it-travel cots bir-roti għandu jkollhom żewġ roti u żewġ saqajn sabiex il-cot ma jimxix bi żball jew inkella r-roti għandhom jissakkru b’mod effettiv.
Wieħed jista’ jikkuntattja l-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt għal aktar informazzjoni jew għal kwalunkwe mistoqsija dwar din il-kwistjoni.